It-Tmien Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Jagħrfu l-ġnus li m’hemmx Alla ħliefek.

Sir 36, 1-2a.5-6.13-19 (gr. 1.4-5a.10-17)

 

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

 

Ikollok ħniena minna, Sidna, Alla tal-ħolqien kollu, u ħares lejna,

u niżżel fuq il-ġnus kollha l-biżatiegħek.

U jagħrfuk bħalma għarafniek aħna,

li m’hemmx Alla ħliefek, Mulej.

Uri sinjali ġodda u erġaagħmel għeġubijiet.

Iġma’ t-tribujiet ta’ Ġakobb,

u agħtihom wirthom bħalma għamilt fil-bidu.

Ikollok ħniena, Mulej, mill-poplu li jsejħulu b’ismek,

minn Iżrael, li int għaddejtu b’ibnek il-kbir.

Ħa tiġik ħasra mill-belt qaddisa tiegħek,

Ġerusalemm, il-post tal-mistrieħ tiegħek.

Imla ’l Sijon bl-għana ta’ tifħirek,

u t-tempju tiegħek bil-glorja tiegħek.

Ixhed għal dawk li int ħlaqt fil-bidu,

u temm il-profeziji li ngħataw f’ismek.

Agħti ħlashom lil dawk li jittamaw fik,

u hekk jitwemmnu l-profeti tiegħek.

Agħti widen, Mulej, għat-talba tal-qaddejja tiegħek,

skont il-barka ta’ Aron fuq il-poplu tiegħek.

U kull min hu fuq l-art jagħraf li int il-Mulej, o Alla ta’ dejjem.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 78 (79), 8.9.11 u 13

 

R/. (ara Sir 36, 1b): Uri lilna Mulej il-ħniena tiegħek

 

Tiftakrilniex il-ħtijiet tal-imgħoddi;

fittex ejja u lqagħna bi ħnientek,

għax ninsabu mifnija għall-aħħar. R/.

 

Għinna, o Alla, Salvatur tagħna,

f’ġieħ is-sebħ tal-isem tiegħek;

eħlisna u aħfrilna dnubietna,

minħabba l-isem tiegħek. R/.

 

Ħa jasal quddiemek ilfiq l-imjassrin;

fil-kobor ta’ qawwietek

salva ’l dawk li huma għall-mewt. R/.

 

U aħna, il-poplu tiegħek

u l-merħla tal-mergħa tiegħek,

niżżuk ħajr għal dejjem;

minn żmien għal żmien inxandru tifħirek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mk 10, 45

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Bin il-bniedem ġie biex jaqdi

u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Aħna telgħin Ġerusalemm, u Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba.

Mk 10, 32-45

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, kienu mexjin fit-triq, telgħin lejn Ġerusalemm, u Ġesù kien miexi quddiemhom; u huma kienu mgħaġġbin, u l-oħrajn li kienu mexjin warajhom kienu mbeżżgħin.

 

Raġasejjaħ it-Tnax ħdejh, u beda jgħidilhom x’kien se jgħaddi minn għalih: Ara, issa aħna telgħin Ġerusalemm, u Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba, li jaqtgħuhielu għall-mewt u jerħuh f’idejn il-pagani; dawn imbagħad jiddieħku bih, jobżqulu fuqu, jagħtuh is-swat u joqtluh, u wara tlitt ijiem iqum mill-mewt”.

 

Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna”. Xi triduni nagħmlilkom?”, staqsiehom. U huma weġbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek”.

 

Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?”. Għandna”, qalulu. Imbagħad qalilhom Ġesù: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien; imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija”.

 

L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni. Imma Ġesù sejħilhom u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu