It-Tieni Ġimgħa tal-Għid

It-Tlieta

 

Qari I

Qalb waħda u ruħ waħda.

Atti 4, 32-37

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

Il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda. Ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien. B’qawwa kbira l-appostli kienu jagħtu xhieda tal-qawmien tal-Mulej Ġesù, u kulħadd kien iġibhom ħafna. Ħadd minnhom ma kien jonqsu xejn; għax kull min kellu oqsma jew djar kien ibigħhom, u l-flus li jdaħħal minnhom kien imur iqegħedhom f’riġlejn l-appostli. Imbagħad kien jitqassam kollox skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed. Hekk għamel il-levita Ġużeppi, minn Ċipru, li l-appostli kienu jsejħulu Barnaba, jiġifieri “bin il-faraġ”; dan kellu għalqa, biegħha, u l-flus li daħħal minnha mar iqegħedhom f’riġlejn l-appostli.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 92 (93), 1ab.1c-2.5

 

R/. (1a): Il-Mulej isaltan; il-kobor libes

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Il-Mulej isaltan; il-kobor libes,

libes il-Mulej u tħażżem bil-qawwa. R/.

 

Iżomm sħiħa d-dinja; qatt ma titħarrek.

Imwaqqaf it-tron tiegħek fis-sod minn dejjem;

minn dejjem ta’ dejjem int. R/.

 

Il-kmandamenti tiegħek ta’ min joqgħod fuqhom;

qdusija lil darek tixraq, Mulej,

sa kemm itul iż-żmien. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 3, 15

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem,

biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ħadd ma tela’ s-sema ħlief Bin il-bniedem, li niżel mis-sema.

Ġw 3, 7b-15

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu:La tistagħġibx jekk jiena għedtlek li jeħtiġilkom titwieldu mill-ġdid. Ir-riħ fejn irid jonfoħ; tisma’ ħossu, imma ma tafx mnejn hu ġej jew fejn hu sejjer. Hekk jiġri minn kull min jitwieled mill-Ispirtu”.Kif qatt jista’ jkun dan?”, raġa’ qallu Nikodemu. U Ġesù qallu: “Inti mgħallem f’Iżrael u dan ma tafux? Tassew tassew ngħidlek li aħna qegħdin nitħaddtu fuq dak li nafu, u qegħdin nagħtu xhieda ta’ dak li rajna, imma x-xhieda tagħna ma tilqgħuhiex. Jekk intom ma temmnux meta nitkellem magħkom fuq il-ħwejjeġ tal-art, kif sejrin temmnu meta nkellimkom fuq il-ħwejjeġ tas-sema? Ħadd ma tela’ s-sema ħlief Bin il-bniedem, li niżel mis-sema. U kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu