It-Tielet Ħadd tal-Għid

 

Qari I

Ma setax ikun li Ġesù jinżamm fl-irbit tal-mewt.

Atti 2, 14.22-33

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

Nhar Għid il-Ħamsin, Pietru flimkien mal-Ħdax qam u qal lil-Lhud b’leħen għoli: “Nies tal-Lhudija, u intom ilkoll li toqogħdu f’Ġerusalemm, kunu afu dan u isimgħu sewwa x’se ngħidilkom jien. Ġesù ta’ Nażaret kien bniedem li Alla takom prova tiegħu permezz tal-mirakli u l-għeġubijiet u s-sinjali li għamel bih fostkom, kif intom stess tafu. Lil dan Ġesù, Alla telaqhulkom f’idejkom skond l-għerf u l-pjan li fassal minn qabel, u intom neħħejtuh billi sallabtuh permezz ta’ nies ħżiena. Imma Alla qajmu mill-imwiet billi ħall l-irbit tal-mewt, għaliex ma setax ikun li l-mewt iżżommu taħt is-setgħa tagħha. Għax David jgħid fuqu, “Żammejt lill-Mulej dejjem quddiemi, għax hu fuq il-lemin tiegħi, biex qatt ma nitħarrek. Għalhekk ferħet qalbi u mtela bl-hena lsieni; u ġismi wkoll jistrieħ fit-tama, għax inti ma titlaqx fl-imwiet lil ruħi, u ma tħallix il-Qaddis tiegħek jara t-taħsir. Inti għarraftni t-triq tal-ħajja, timlieni bil-ferħ meta nkun quddiemek”.

 

Ħuti, ħalluni ngħidhielkom kif inħossha fuq il-patrijarka David; hu miet u kien midfun u l-qabar tiegħu għadu magħna sa llum stess. Issa hu kien profeta, u kien jaf li Alla ħaliflu b’ġurament li kellu jqiegħed fuq it-tron tiegħu bniedem ġej minn nislu. David ra minn qabel u ħabbar il-qawmien tal-Messija, u qal: “La kien mitluq fl-imwiet, u lanqas ġismu ma ra t-taħsir”.

 

Lil dan Ġesù, Alla qajmu mill-imwiet, u ta’ dan aħna lkoll xhieda. Għalhekk, issa li Alla għollieh bil-leminija tiegħu, huwa rċieva mingħand il-Missier l-Ispirtu s-Santu li kien imwiegħed, u sawbu fuqna, kif qegħdin taraw u tisimgħu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 15 (16) 1-2a.5.7-8.9-10.11

 

R/. (11a): Mulej, int tgħallimni t-triq tal-ħajja

Jew

R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.

Jien għedt lill-Mulej: “Int Sidi,

m’għandix ġid ieħor ħliefek”.

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi,

inti żżomm f’idejk xortija. R/.

 

Inbierek lill-Mulej li tani l-fehma;

imqar billejl qalbi tgħallimni.

Inżomm lill-Mulej dejjem quddiemi,

għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. R/.

 

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi,

u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet,

ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar. R/.

 

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,

hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek. R/.

 

Qari II

Kontu mifdija bid-demm għażiż ta’ Kristu, bħal Ħaruf bla tebgħa.

1 Piet 1, 17-21

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu

 

Għeżież, jekk intom issejħu Missier lil dak li, bla ma jħares lejn l-uċuħ, jagħmel ħaqq minn kulħadd skond l-għemil ta’ kull wieħed, għixu fil-biża’ ż-żmien tal-ħajja li qegħdin tgħaddu f’art barranija. Kunu afu li intom kontu mifdija mill-ħajja tagħkom fiergħa li ħadtu mingħand missirijietkom, mhux b’xi ħaġa li tintemm, bħalma hi l-fidda jew id-deheb, imma bid-demm għażiż ta’ Kristu, li kien bħal ħaruf bla għajb u bla tebgħa.

 

Hu kien ippredestinat sa minn qabel ma saret id-dinja, imma deher fl-aħħar taż-żminijiet minħabba fikom. Bih intom temmnu f’Alla, li qajmu mill-imwiet u tah il-glorja; hekk il-fidi tagħkom hi wkoll tama f’Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Lq 24, 32

 

Hallelujah R/. Hallelujah

Mulej, Ġesù, fissrilna l-Iskrittura;

ħeġġilna qalbna, int u tkellimna.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin.

Lq 24, 13-35

 

Qari mill-Evanġelju skond San Luqa

 

Dakinhar stess fl-ewwel jum tal-ġimgħa, ġara li tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?”. U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”.

 

X’ġara?” staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nażaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja!

 

Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”.

 

Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”. U beda minn Mosè u l-profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

 

Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel tabirruħu li kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm”. Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”.

 

Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”. U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu