L-Erbgħa tal-Irmied

 

Qari I

Ċarrtu qalbkom, u mhux ilbieskom

Ġoel 2, 12-18

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġoel

 

Dan jgħid il-Mulej:

Erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha,

bis-sawm, bil-biki u bl-ilfiq.

Ċarrtu qalbkom, u mhux ilbieskom,

u erġgħu duru lejn il-Mulej, Alla tagħkom,

għax hu twajjeb u ħanin,

tqil biex jinkorla, u kollu tieba;

u jisgħobbih għall-ħażen”.

Min jaf jerġax jibdielu u jisgħobbih,

u jħalli barka wrajh,

offerta tal-ikel u tax-xorb lill-Mulej, Alla tagħkom?

Doqqu t-tromba f’Sijon!

Ordnaw sawma, sejħu laqgħa mqaddsa;

iġbru l-poplu,

qaddsu l-ġemgħa

għajtu x-xjuħ,

iġbru t-tfal, u t-trabi tal-ħalib!

Ħa joħroġ l-għarus minn ġo kamartu

u l-għarusa mill-kmajra tagħha!

Bejn il-portiku u bejn l-altar ħa jibku

l-qassisin, qaddejja tal-Mulej!

U ħa jgħidu: “Ħenn għall-poplu tiegħek, Mulej,

u la tħallix il-wirt tiegħek jaqa’ għaż-żebliħ,

u jiġi fi lsien il-ġnus!”

L-għala għandu jingħad fost il-popli:

“Fejn hu Alla tagħhom?”

U l-Mulej ġietu għejra għall-art tiegħu,

għader il-poplu tiegħu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 50 (51), 3-4.5-6a.12-13.14 u 17

 

R/. (ara 3a): O Alla, ħenn għalina għax dnibna!

 

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;

naddafni mid-dnub tiegħi. R/.

 

Għax jien nagħrafhom ħtijieti;

id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.

Kontrik biss jiena dnibt,

u dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt. R/.

 

Oħloq fija qalb safja, o Alla,

u spirtu qawwi ġedded fija.

La twarrabnix minn quddiemek;

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. R/.

 

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,

u bi spirtu qalbieni wettaqni.

Iftaħli xufftejja, Sidi,

u fommi jxandar it-tifħir tiegħek. R/.

 

Qari II

Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu. Araw, issa hu ż-żmien tajjeb.

2 Kor 5, 20 – 6, 2

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Apostlu lill-Korintin

 

Ħuti, aħna nagħmluha ta’ ambaxxaturi ta’ Kristu bħallikieku Alla stess qiegħed isejjaħ permezz tagħna. Nitolbu fuq li nitolbu f’ġieħ Kristu: Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu. Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustizzja ta’ Alla. Ladarba qegħdin naħdmu flimkien ma’ Alla, aħna mela nħeġġukom biex ma tirċevux il-grazzja tiegħu għal xejn. Għax hu jgħid:

“Fiż-żmien it-tajjeb smajtek,

f’jum is-salvazzjoni għentek”.

Araw, issa hu ż-żmien tajjeb; araw, issa hu jum is-salvazzjoni!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Salm 94 (95), 8ab

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Illum la twebbsux qalbkom

iżda isimgħu leħen il-Mulej!

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu.

Mt 6, 1-6.16-18

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom, għax inkella ma jkollkomx ħlas mingħand Missierkom li hu fis-smewwiet.

 

Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu.

 

U meta titolbu, tkunux bħal dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawk iħobbu joqogħdu jitolbu bilwieqfa fis-sinagogi u f’salib it-toroq, biex jidhru quddiem in-nies. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta titlob, idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il-bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.

 

Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom, bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawn ikerrhu wiċċhom biex quddiem in-nies jidhru li huma sajmin. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tkun sajjem, idlek xagħrek u aħsel wiċċek, biex mhux quddiem in-nies tidher li tkun sajjem, imma quddiem Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu