26 ta’ Jannar
San Titu u San Timotju, isqfijiet
Tifkira obbligatorja
Qari I
2 Tim 1: 1-8
Bidu tat-Tieni Ittra ta’ San
Pawl Appostlu lil Timotju
Pawlu, bir-rieda ta’ Alla
appostlu ta’ Kristu Ġesù skont il-wegħda tal-ħajja li hi fi
Kristu Ġesù, lil Timotju, iben għażiż: grazzja, ħniena
u sliem mingħand Alla l-Missier u mingħand Kristu Ġesù, Sidna.
Irroddu ħajr lil Alla, li lilu nqim b’kuxjenza safja bħal
missirijieti, hekk kif niftakar fik bla heda fit-talb tiegħi, lejl u nhar.
Meta niftakar fid-dmugħ tiegħek għalija, tiġini x-xewqa li
narak biex nimtela bil-ferħ.
Niftakar fil-fidi vera tiegħek,
fidi li l-ewwel kienet ta’ nanntek Lojd u ta’ ommok Ewnike, u li ma għandi
ebda dubju li hi fik ukoll. Minħabba f’hekk infakkrek biex tħeġġeġ
fik id-don ta’ Alla, li jinsab fik bit-tqegħid ta’ jdejja; għax Alla
ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’
rażan. Mela tistħi xejn minħabba fix-xhieda għal Sidna,
anqas minħabba fija, priġunier tiegħu, imma bati miegħi għall-Evanġelju,
bil-qawwa ta’ Alla.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr
lil Alla.
Salm Responsorjali
95,
1-3.7-8a10
R/. Xandru fost il-popli kollha l-għeġubijiet tal-Mulej!
Għannu lill-Mulej
għanja ġdida,
għannu lill-Mulej
fl-art kollha!
Għannu lill-Mulej,
bierku ismu! R/.
Agħtu lill-Mulej,
familji tal-popli,
agħtu lill-Mulej
sebħ u setgħa,
agħtu lill-Mulej
is-sebħ ta’ ismu! R/.
Għidu fost
il-ġnus: “Il-Mulej isaltan!”.
Tassew, id-dinja
twaqqfet biex qatt ma titħarrek.
Huwa jiġġudika
l-popli bis-sewwa. R/.
Akklamazzjoni għall-Evanġelju
Lq 4: 18
R/. Hallelujah
Il-Mulej ikkonsagrani biex inwassal il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin,
bagħatni nħabbar
il-ħelsien lill-imjassrin.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Lq 10: 1-9
Qari mill-Evanġelju skont San
Luqa
F’dak iż-żmien:
Il-Mulej qabbad tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn
qablu f’kull belt u post fejn kien sejjer hu. U qalilhom: “Il-ħsad hu
kbir, tassew, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela ’l sid il-ħsad biex
jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. Morru! Araw, qiegħed
nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup.
Teħdux magħkom, la
but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu ’l ħadd.
Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu, ‘Sliem lil din id-dar.’ U jekk
fiha jkun hemm bin is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le,
it-tislima tagħkom terġgħalkom lura għandkom. Ibqgħu għand
dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu
ħlasu. Toqogħdux idduru mingħand familja għal oħra.
F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom
quddiemkom; fejqu l-morda tagħha, u lin-nies għidulhom, ‘Is-Saltna
ta’ Alla waslitilkom.’”
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek
Kristu.