L-Erbgħa u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Alla tiegħi bagħat l-anġlu tiegħu jagħlaq ħalq l-iljuni.

Dan 6, 12-28

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel

 

F’dak iż-żmien, b’saħna kbira fuqhom xi rġiel ġrew flimkien għal ħdejn Danjel u sabuh jitlob u jfaħħar lil Alla tiegħu. Bla telf ta’ żmien resqu quddiem is-sultan ifakkruh fl-interdett. U qalulu: “Sultan, mhux int kont li ffirmajt id-digriet biex jekk xi ħadd, fi żmien tletin jum, jitlob lil xi alla jew lil bniedem ieħor ħliefek, jixħtuh fil-ħofra tal-iljuni?”. U s-sultan wieġeb: “L-ordni għadu sħiħ, skont il-liġi tal-popli tal-Medja u l-Persja li ma tistax titħassar”. Imbagħad qalu lis-sultan: “Dan Danjel, wieħed mill-itturufnati Lhud, la ta kas tiegħek, sultan, u lanqas tad-digriet iffirmat minnek, għax baqajitlob tliet darbiet kuljum”.

 

Is-sultan sewwed qalbu ħafna meta samadan, u għamel il-ħsieb li jeħles lil Danjel; sa nżul ix-xemx kien għadu jħabbel moħħu biex jara kif jeħilsu. Imma dawk l-irġiel marru jiġru b’saħna fuqhom flimkien għal għand is-sultan u qalulu: “Kun af, sultan, li skont il-liġi tal-popli tal-Medja u l-Persja, ebda digriet jew ordni ma jistajitbiddel jekk ikun sar mis-sultan”.

 

Imbagħad is-sultan ta ordni biex iġibu lil Danjel; u tefgħuh fil-ħofra tal-iljuni. U s-sultan qabad u qal lil Danjel: “Ħa jeħilsek Alla tiegħek, li lilu dejjem taqdi!. Ressqu ġebla, qegħduha mad-daħla tal-ħofra, u s-sultan għamlilha fuqha l-marka bis-siġill tiegħu u s-siġill tal-kbarat tiegħu, ħalli ma jinbidel xejn minn dak li hu ddeċieda fuq Danjel.

 

Imbagħad is-sultan telaq lejn il-palazz tiegħu; il-lejl għaddieh sajjem, u n-ngħas ħarab minn xfar għajnejh, imma ma ġabulu ’l ħadd biex iderrilu. Filgħodu s-sultan qam kmieni mas-sebħ u ħaffef u mar lejn il-ħofra tal-iljuni. Kif wasal ħdejn il-ħofra, is-sultan sejjaħ lil Danjel b’leħen imnikket u qallu: “Danjel, qaddej ta’ Alla l-ħaj, kellu l-ħila jeħilsek mil-iljuni dak Alla li lilu dejjem taqdi?”. U Danjel wieġeb lis-sultan: Jalla tgħix għal dejjem, sultan! Alla tiegħi bagħat l-anġlu tiegħu jagħlaq ħalq l-iljuni biex ma jagħmluli xejn, għax huwa sab li jiena kont bla ħtija, mhux biss quddiemu, iżda wkoll quddiemek, sultan, għax jien m’għamilt xejn ħażin”.

 

Is-sultan feraħ ħafna b’dan u ordna li jtellgħu lil Danjel mill-ħofra. Tellgħu lil Danjel mill-ħofra, u sabu li ma kienet ġratlu ebda ħsara, għaliex hu kien ittama f’Alla tiegħu. Imbagħad, bl-ordni tas-sultan, qabdu lil dawk l-irġiel li gidbu fuq Danjel u xeħtuhom fil-ħofra tal-iljuni, lilhom, lil uliedhom u lin-nisa tagħhom; u anqas biss laħqu messew qiegħ il-ħofra li l-iljuni ma farrkulhomx għadamhom.

 

Imbagħad is-sultan Dariju kiteb lil kull poplu u ġens u lsien, li jgħammru fuq l-art kollha, u qalilhom: “Sliem bil-kotra għalikom! Qiegħed nagħmel dan id-digriet biex fl-art kollha li fuqha jiena nsaltan kulħadd għandu jibża’ u jitriegħed quddiem Alla ta’ Danjel, għax hu Alla l-ħaj ta’ dejjem, li s-saltna tiegħu ma tinqeridx, u l-ħakma tiegħu ddum sal-aħħar; minnu l-ħelsien u s-salvazzjoni, hu jagħmel il-mirakli u l-għeġubijiet fis-sema u fl-art; kien hu li ħeles lil Danjel mill-iljuni”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Dan 3, 68.69.70.71.72.73.74

 

R/. (59b): Faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem

 

Bierku, nida u borra, il-Mulej.

Bierku, silġ u bard, il-Mulej. R/.

 

Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej.

Bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej. R/.

 

Bierku, dawl u dlam, il-Mulej.

Bierku, beraq u sħab, il-Mulej. R/.

 

Ħa tbierek l-art il-Mulej,

ħa tfaħħru u tgħollih fuq kollox għal dejjem. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 21, 28

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Qawwu qalbkom u erfgħu raskom,

għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġerusalemm tibqatintrifes taħt saqajn il-ġnus sa ma jkun għadda żmien il-ġnus.

Lq 21, 20-28

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Meta mbagħad taraw lil Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien bl-eżerċti, tkunu tafu li l-qerda tagħha tkun waslet. Ħa jaħarbu mbagħad lejn il-muntanji dawk li jkunu fil-Lhudija u jitbiegħdu minnha dawk li jkunu ġo nofsha, u ma jerġgħux lura fiha dawk li jkunu fir-raba’; għax dawk ikunu jiem il-kastig li fihom iseħħ kulma hemm miktub. Jaħasra għalihom in-nisa li f’dawk il-jiem ikunu tqal jew ireddgħu! Għax hemm kbir jaqafuq il-pajjiż, u korla fuq dan il-poplu. In-nies jaqgħu taħt il-qilla tas-sejf, u jittieħdu lsiera fost il-pagani kollha; u Ġerusalemm tibqatintrifes taħt saqajn il-ġnus sa ma jkun għadda żmien il-ġnus.

 

U jkun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa bil-biża billi jobsru x’ikun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.

 

Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira. Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu