L-Erbgħa u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Huma jgħannu l-kantiku ta’ Mosè u l-kantiku tal-Ħaruf.

Apok 15, 1-4

 

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

 

Jiena, Ġwanni, rajt fis-sema sinjal ieħor, kbir u tal-għaġeb: seba’ anġli li kellhom seba’ kastigi, dawk tal-aħħar, li bihom kellha tintemm il-korla ta’ Alla. U rajt bħal baħar tal-ħġieġ imħallat bin-nar, u weqfin fuq il-baħar tal-ħġieġ rajt lil dawk li kienu ħarġu rebbieħa fuq il-Bhima u fuq xbihetha u n-numru ta’ isimha. B’ċetri ta’ Alla f’idejhom, huma jgħannu l-kantiku ta’ Mosè l-qaddej ta’ Alla u l-kantiku tal-Ħaruf, u jgħidu:

“Kbar u tal-għaġeb l-għemejjel tiegħek,

Mulej, Alla li tista’ kollox;

ġusti u veri t-triqat tiegħek,

Sultan tal-ġnus!

Min, Mulej, ma jibżax minnek u ma jsebbaħx lil ismek?

Għax int waħdek qaddis;

il-ġnus kollha jiġu u jinxteħtu quddiemek,

għax il-ġudizzji tiegħek intwerew”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 97 (98), 1.2-3ab.7-8.9

 

R/. (Apok 15, 3b): Kbar u tal-għaġeb l-għemejjel tiegħek,

 

Mulej, Alla li tista’ kollox

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,

u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

 

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,

f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.

Ftakar fit-tieba u l-fedeltà tiegħu

mal-poplu ta’ Iżrael. R/.

 

Ħa jriegħed il-baħar u kulma fih,

id-dinja u kulma jgħammar fiha.

Ħa jċapċpu x-xmajjar idejhom,

u l-muntanji flimkien jgħajtu bil-ferħ. R/.

 

Quddiem il-Mulej, għax ġej

biex jagħmel ħaqq mill-art;

hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,

u mill-popli bis-sewwa. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Apok 2, 10ċ

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ibqa’ fidil sal-mewt, jgħid il-Mulej,

u jien nagħtik il-kuruna tal-ħajja.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx.

Lq 21, 12-19

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Jixħtu jdejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi. Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda. U żommu sewwa f’moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom, għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih. U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom, u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. 18Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu