Il-Wieħed u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Fi Kristu intom stagħnejtu f’kollox.

1 Kor 1, 1-9

 

Bidu tal-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Pawlu, li Alla ried isejjaħlu biex ikun appostlu ta’ Kristu Ġesù, u Sòsteni ħuna, lill-knisja ta’ Alla li qiegħda f’Korintu; lil dawk li tqaddsu fi Kristu Ġesù, imsejħa biex ikunu qaddisin flimkien ma’ dawk kollha li f’kull pajjiż isejħu l-isem ta’ Ġesù Kristu, is-Sid tagħhom u tagħna: grazzja u sliem mingħand Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu!

 

Jiena niżżi ħajr dejjem lil Alla tiegħi minħabba fikom għall-grazzja li Alla takom, lilkom fi Kristu Ġesù; fih intom stagħnejtu f’kollox, f’kull kelma, f’kull għerf daqs kemm ix-xhieda ta’ Kristu kienet imwettqa fikom. Għalhekk m’intom nieqsa minn ebda don, intom u tistennew id-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu. Huwa hu li jwettaqkom sal-aħħar biex tkunu bla ħtija fil-jum ta’ Sidna Ġesù Kristu. Alla jżomm kelmtu, minnu kontu msejħin biex tidħlu fix-xirka ta’ Ibnu Sidna Ġesù Kristu!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 89 (90), 3-4.12-13.14 u 17

 

R/. (ara 1b): Inbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem, Mulej

 

Kuljum irrid inbierkek,

u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem.

Kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru bil-bosta,

bla tarf il-kobor tiegħu. R/.

 

Nisel lil nisel isebbaħ għemilek,

u s-setgħa tiegħek ixandru.

Il-ġmiel u l-kobor tas-sebħ tiegħek iħabbru,

u fuq l-għeġubijiet tiegħek jitħaddtu. R/.

 

Il-qawwa tal-għemejjel tiegħek tal-biża’ jxandru;

u jien fuq l-għemejjel kbar tiegħek nitħaddet.

It-tjubija tiegħek bla qjies ifakkru,

jgħajtu bil-ferħ minħabba l-ġustizzja tiegħek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 24, 42a.44

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ishru u kunu lesti,

għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa

li fiha jiġi Bin il-bniedem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Kunu lesti.

Mt 24, 42-51

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-ħitan ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem. Intom min tgħidu li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq niesu biex jagħtihom jieklu fil-ħin? Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jaqdi dmiru. Tassew, ngħidilkom, li jafdalu ġidu kollu f’idejh.

 

Iżda jekk dak il-qaddej ħażin jibda jgħid f’qalbu: “Sidi jiddawwar ma jiġi”, u jaqbad isawwat lil sħabu l-oħra, u jiekol u jixrob mas-sakranazzi, sid dak il-qaddej jasal f’jum li hu ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih il-kastig li ħaqqhom in-nies ta’ wiċċ b’ieħor: hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu