Il-Wieħed u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Sakemm konna qegħdin inxandrulkom l-Evanġelju, aħna ħdimna billejl u binhar.

1 Tess 2, 9-13

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

 

Intom, ħuti, tiftakru fit-taħbit u t-tbatija kbira tagħna. Sakemm konna qegħdin inxandrulkom l-Evanġelju ta’ Alla, aħna ħdimna billejl u binhar, biex lil ħadd minnkom ma ngħabbu. Tixhdu intom u Alla wkoll, kemm kienet qaddisa, ġusta u bla għajb l-imġiba tagħna magħkom li emmintu. Aħna, kif tafu, ġibna ruħna ma’ kull wieħed minnkom qisna missier ma’ wliedu: farraġniekom, għamilnielkom il-qalb, ħeġġiġniekom ħalli timxu kif hu xieraq quddiem Alla li sejħilkom għas-saltna u l-glorja tiegħu.

 

Aħna niżżu ħajr bla heda lil Alla talli l-kelma ta’ Alla, li intom smajtu mingħandna, ilqajtuha mhux bħala kelma ta’ bniedem, iżda bħala kelma ta’ Alla, kif tassew hi, dik il-kelma li qiegħda taħdem fikom li emmintu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 138 (139), 7-8.9-10.11-12ab

 

R/. (1): Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni

 

Fejn immuril bogħod mill-ispirtu tiegħek?

Jew fejn nistanaħrab minn quddiem wiċċek?

Jekk nitlafis-smewwiet, hemm int;

jekk nimtedd f’qiegħ l-art, int hemm ukoll. R/.

 

Jekk nilbes il-ġwienaħ tas-sebħ,

u mmur ngħammar fi truf il-baħar,

hemm ukoll tilħaqni idek,

u taqbadni l-leminija tiegħek. R/.

 

Jekk ngħid: “Ħa jaħbini d-dlam,

ħa jkunli d-dawl lejl madwari,”

anqas id-dlam ma hu mudlam;

għalik il-lejl jiddi bħan-nhar. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

1 Ġw 2, 5

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Kull min iżomm il-kelma ta’ Ġesù Kristu,

fih hemm tassew l-imħabba ta’ Alla fil-milja tagħha.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Intom ulied il-qattiela tal-profeti.

Mt 23, 27-32

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù waqt li kien qed jitkellem qal: “Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Qiskom oqbra mbajda: minn barra jidhru sbieħ, u minn ġewwa mimlija għadam tal-mejtin u kull xorta ta’ ħmieġ! Hekk intom; minn barra tidhru tassew ġusti quddiem il-bnedmin, waqt li minn ġewwa kollkom ipokrisija u ħażen!

 

Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom tibnu l-oqbra lill-profeti, iżżejnu l-monumenti tal-ġusti, u tgħidu: “Kieku konna fi żmien missirijietna ma konniex nissieħbu magħhom u nxerrdu demm il-profeti”, u b’hekk weħidkom tagħtu xhieda li intom ulied il-qattiela tal-profeti! Mela issa komplu sal-aħħar dak li bdew missirijietkom!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu