Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid
Qari I
M’hemmx salvazzjoni ħlief
biss fl-Isem ta’ Ġesù.
Atti 4:8-12
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, Pietru, mimli bl-Ispirtu s-Santu, wieġeb: “Kapijiet tal-poplu u xjuħ, intom illum qegħdin tistħarrġuna fuq il-ġid li għamilna lil wieħed marid, u biex dan fieq.
Mela kunu afu intom ilkoll, u l-poplu kollu ta’ Iżrael: jekk dan ir-raġel
hu hawn quddiemkom qawwi u sħiħ, dan ġara bis-saħħa
tal-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret,
li intom sallabtuh u Alla qajmu mill-imwiet. Dan Ġesù hu l-ġebla li intom, il-bennejja, warrabtu u li saret il-ġebla tax-xewka. F’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr
lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 117(118):1,8-9,21-23,26,28ċd,29
R/. (22): Il-ġebla li warrbu
l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka.
Jew
R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.
Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!
Aħjar tistkenn fil-Mulej
milli tittama fil-bnedmin.
Aħjar tistkenn fil-Mulej
milli tittama fil-kbarat. R/.
Niżżik ħajr talli weġibtni
u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi.
Il-ġebla li warrbu
l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.
R/.
Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!
Inberkukom minn dar
il-Mulej.
Alla tiegħi, jien lilek inkabbar.
Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu! R/.
Qari II
Għad jaraw lil Alla kif inhu.
1 Ġw 3:1-2
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu
Għeżież, araw b’liema għożża
ħabbna l-Missier; nistgħu nissejħu wlied Alla,
u hekk aħna tassew. Għalhekk id-dinja ma tagħrafniex, għax ma għarfitx
lilu.
Għeżież, issa aħna wlied Alla, imma
x’se nkunu ’l quddiem mhuwiex irrivelat lilna. Madankollu nafu li meta jidher
hu, aħna nkunu bħalu,
għax narawh kif inhu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr
lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 10:14
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jgħid il-Mulej;
jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi,
u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti
ħajtu għan-nagħaġ
tiegħu.
Ġw 10:11-18
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Jiena r-ragħaj
it-tajjeb. Ir-ragħaj
it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu.
Il-mikri, li mhuwiex ir-ragħaj, u li n-nagħaġ mhumiex tiegħu, jara l-lupu ġej, u jħalli n-nagħaġ u jaħrab; u l-lupu jaħtafhom
u jxerridhom. Mikri hu, u ma jħabbilx
rasu min-nagħaġ.
Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u
n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili, bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier; u għan-nagħaġ tiegħi
nagħti ħajti. Għandi wkoll nagħaġ oħra, li mhumiex minn dan
il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed.
Għalhekk iħobbni l-Missier, għax jien nagħti ħajti, biex nerġa’ neħodha. Ħadd ma jeħodhieli, iżda jien nagħtiha minn
rajja. Għandi setgħa li nagħtiha, u għandi s-setgħa li nerġa’ neħodha; din hi l-ordni li ħadt mingħand
Missieri”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.