25 ta’ April

San Mark, Evanġelista

Festa

 

Qari I

1 Piet 5: 5b-14

 

Għeluq l-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu

 

Għeżież: Tħażżmu, ilkoll kemm intom, bl-umiltà lejn xulxin, għax Alla jiqfilhom lill-kburin, imma jagħti l-grazzja tiegħu lill-umli. Kunu mela umli taħt l-id setgħana ta’ Alla, biex hu jerfagħkom meta jasal il-waqt. Ixħtu fuqu l-ħsibijiet tagħkom kollha, għax hu jaħseb fikom.

 

Kunu meqjusa u għassu! Il-għadu tagħkom ix-xitan, qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex lil min sa jibla’. Iqfulu, sħaħ fil-fidi. Intom tafu li ħutkom, imxerdin fid-dinja, qegħdin jaqsmu magħkom l-istess tbatijiet tagħkom. Imbagħad, wara li tkunu batejtu għal ftit żmien, Alla li jagħti kull grazzja, li sejħilkom għas-sebħ tiegħu ta’ dejjem fi Kristu, hu nnifsu jerġa’ jqajjimkom, iwettaqkom, isaħħaħkom u jqegħedkom fis-sod. Tiegħu hi s-setgħa għal dejjem. Ammen.

 

Ktibtilkom dan il-ftit kliem permezz ta’ Silvanu, li għalija hu ħija fidil, biex inwissikom u nixhdilkom li din hi tassew il-grazzja ta’ Alla. Żommu sħiħ fiha! Il-Knisja, li hi f’Babel, magħżula bħalkom, isselli għalikom. Iselli wkoll għalikom Marku, li hu ibni. Sellmu lil xulxin b’bewsa ta’ mħabba. Is-sliem lilkom ilkoll li intom fi Kristu.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

88

 

R/. Tjubitek, Mulej, irrid dejjem ngħanni!

 

It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni,

minn nisel għal nisel b’fommi nxandar il-fedeltà tiegħek.

Għax jien għidt: “Il-ħniena hi mwaqqfa għal dejjem;

fis-sema int wettaqt il-fedeltà tiegħek. R/.

 

Ħa jfaħħru s-smewwiet l-għeġubijiet tiegħek, Mulej,

u l-fedeltà tiegħek fil-ġemgħa tal-qaddisin,

għax min hemm fis-sema daqs il-Mulej?

Min, minn dawk li hemm fis-sema, jixbah lill-Mulej? R/.

 

Hieni l-poplu li jaf jgħajjat bil-ferħ,

li jimxi, Mulej, fid-dawl tal-ħsara tiegħek.

B’ismek jithennew il-jum kollu,

u bis-sewwa tiegħek jitgħollew. R/.

 

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

 

R/. Hallelujah

Aħna nxandru Kristu msallab, li hu

l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Mk 16:15-20

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien: Ġesù wera ruħu lill-Ħdax, u qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-tajba lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat. U dawn huma l-mirakli li jissieħbu ma’ dawk li jemmnu: f’Ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt, ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu idejhom fuq il-morda, u dawn ifiqu”.

 

U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla.

 

Huma mbagħad marru jippritkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.