25 ta’ Jannar
Il-Konverżjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl
Festa
Qari I
Atti 22: 3-16
jew Atti 9, 1-22.
Qari mill-Ktieb tal-Atti
tal-Appostli
F’dak iż-żmien,
Pawlu qal lill-poplu: “Jiena Lhudi; twelidt f’Tarsu taċ-Ċiliċja,
imma trabbejt f’din il-belt f’riġlejn Gamaljel u tħarriġt
bir-reqqa fil-ħarsien tal-Liġi ta’ missirijietna; jien mimli
ħeġġa għal Alla, kif ukoll intom ilkoll illum.
Jien ħadtha sal-mewt
kontra min qabad din it-Triq tal-Mulej, u rbatt u tfajt il-ħabs
irġiel u nisa, kif jista’ jixhidli l-qassis il-kbir u l-Kunsill kollu
tax-Xjuħ. Kien mingħandhom li jien ħadt ittri għal
ħutna, u mort Damasku biex lil dawk ukoll li kienu hemm inġibhom
marbutin Ġerusalemm u jkunu ikkastigati. Imma jien u sejjer, kif kont qrib
Damasku, f’daqqa waħda għall-ħabta ta’ nofsinhar dawl kbir
mis-sema idda madwari.
Waqajt mal-art u smajt
leħen jgħidli, ‘Sawl, Sawl, għaliex qiegħed
tippersegwitani?’ Jien weġibt, ‘Min int, Mulej?’ U hu qalli, ‘Jien
Ġesù ta’ Nazaret, li int qiegħed tippersegwitah.’ Dawk li kienu miegħi
raw id-dawl, imma ma semgħux il-leħen ta’ min kien ikellimni.
Imbagħad jien għidt, ‘X’għandi nagħmel, Mulej?’ U l-Mulej
qalli, ‘Qum u mur Damasku. Hemm jgħidulek kulma għandek
tagħmel.’ Billi ma stajtx nara minħabba d-dija ta’ dak id-dawl,
mexxewni minn idi dawk li kienu miegħi, u hekk wasalt Damasku. Hemmhekk
kien hemm wieħed, jismu Ħananija, raġel sewwa skont
il-Liġi, li kellu fama tajba mal-Lhud kollha li kienu joqogħdu hemm;
ġie għandi, resaq fuqi u qalli, ‘Sawl, ħija, ħu d-dawl.’
Dak il-ħin stess bdejt nara u nħares lejh.
Imbagħad hu qalli, ‘Alla
ta’ missirijietna għażlek biex tagħraf ir-rieda tiegħu,
tara lil dak li hu l-Ġust u tisimgħu jkellmek b’fommu stess.
Għax int għad trid tixhed għalih quddiem il-bnedmin kollha fuq
dak li rajt u smajt. U issa x’int tistenna? Qum! Tgħammed u nħall
minn dnubietek, int u ssejjaħ ismu.’”
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr
lil Alla.
Salm Responsorjali
116,
1.2
R/. Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-tajba!
Faħħru l-Mulej,
ġnus kollha,
sebbħuh, popli
kollha! R/.
Għaliex qawwija
hi l-grazzja tiegħu għalina,
il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem. R/.
Akklamazzjoni għall-Evanġelju
Ġw 15: 16
R/. Hallelujah
Jien għażiltkom,
u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott
u l-frott tagħkom jibqa’, jgħid il-Mulej.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Mk 16: 15-18
Qari mill-Evanġelju skont San
Mark
F’dak iż-żmien: Ġesù wera ruħu lill-Ħdax, u qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-tajba lill-ħolqien
kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva, iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat. U dawn huma l-mirakli li jsieħbu ’l dawk li jemmnu: f’Ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu.”
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek
Kristu.