24 ta’ Diċembru
Quddiesa ta’ filgħodu
Qari I
Is-saltna ta’ David tibqa’ għal dejjem quddiem il-Mulej.
2 Sam 7, 1-5.8b-12.14a.16
Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel
Meta s-sultan David mar joqgħod f’daru, u
l-Mulej serrħu mill-għedewwa
kollha ta’ madwaru, is-sultan qal lil Natan il-profeta: “Issa, ara jiena qiegħed f’dar
taċ-ċedru, u l-arka ta’ Alla qiegħda f’nofs ta’ tinda”. U qal Natan lis-sultan: “Kulma
għandek fi ħsiebek li tagħmel, mur agħmlu, għax
il-Mulej miegħek”. Imma dak il-lejl stess ġiet il-kelma tal-Mulej
lil Natan u qallu: “Mur għid lill-qaddej tiegħi David: “Dan
jgħid il-Mulej: Se tibnili int dar biex noqgħod fiha? Ara, jiena ħadtek
mill-mergħat minn wara l-imrieħel biex tkun prinċep fuq il-poplu
tiegħi Iżrael. Dejjem kont miegħek f’kulma kont tidħol għalih;
u meta int qridt l-għedewwa tiegħek kollha minn quddiemek. Issa jiena
nibnilek isem kbir jixbah l-ismijiet il-kbar li hawn fid-dinja. Nagħmel
post għall-poplu tiegħi Iżrael, u nqiegħdu hemm fejn
jgħammar bla biża’, u ma jgħakksuhx iżjed il-ħżiena bħalma
għamlu sa minn dejjem, jiġifieri sa minn meta qajjimt l-imħallfin fuq il-poplu
tiegħi Iżrael; u nserrħek mill-għedewwa tiegħek kollha. Lilek
imbagħad il-Mulej jagħtik kelma li jibnilek dar. U meta inti ttemm żmienek, u tkun
striħajt ma’ missirijietek, jiena nqajjem nislek warajk, nisel ħiereġ
mill-ġewwieni tiegħek, u nsaħħaħ is-saltna tiegħu. Jiena nkun għalih
missier, u hu jkun għalija iben. Il-familja tiegħek u s-saltna tiegħek
jibqgħu sħaħ għal dejjem quddiemi. It-tron tiegħek jibqa’
sħiħ għal dejjem”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 88 (89), 2-3.4-5.27 u 29
R/. (ara 2a): It-tieba tal-Mulej irrid dejjem
ngħanni
It-tieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni;
f’kull żmien ixandar fommi l-fedeltà
tiegħek.
Għax jien għedt: “Tjubitek tibqa’
sħiħa għal dejjem;
bħas-smewwiet int wettaqt il-fedeltà
tiegħek”. R/.
“Għamilt patt
mal-magħżul tiegħi,
ħlift lil David, il-qaddej tiegħi:
Jien nagħmel li nislek jibqa’ għal
dejjem,
li f’kull żmien jibqa’ sħiħ
it-tron tiegħek”. R/.
“Hu jsejjaħli: “Int
missieri
u Alla tiegħi, fortizza u salvazzjoni
tiegħi!”
It-tieba tiegħi nżommha fuqu
għal dejjem,
u l-patt tiegħi miegħu jibqa’
sħiħ”. R/.
Akklamazzjoni qabel
l-Evanġelju
Hallelujah. R/. Hallelujah
O Xemx tielgħa,
dija tad-dawl ta’ dejjem u xemx
tal-ġustizzja,
ejja u dawwal lil dawk
li jinsabu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa.
Lq 1, 67-79
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Żakkarija,
missier Ġwanni, imtela bl-Ispirtu s-Santu u beda jħabbar u jgħid:
“Imbierek il-Mulej, Alla
ta’ Iżrael,
għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu
tiegħu,
u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni
f’dar David qaddej tiegħu,
bħalma wiegħed fl-imgħoddi
b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,
biex isalvana mill-għedewwa tagħna,
u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.
B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna
u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,
fil-ħalfa li ħalef lil Abraham
missierna:
li jagħtina l-grazzja li, wara li
jeħlisna minn idejn l-għedewwa tagħna,
naqduh bla biża’, tul ħajjitna
kollha,
bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu
ħajjitna kollha.
U int, tfajjel, tissejjaħ profeta
tal-aktar Għoli,
għax tmur qabel il-Mulej biex
tħejjilu triqatu
u tgħarraf lill-poplu tiegħu
bis-salvazzjoni permezz tal-maħfra ta’ dnubiethom,
mogħtija mill-qalb ħanina ta’ Alla
tagħna,
li mill-għoli jiġi jżurna
bħax-xemx tielgħa;
u jdawwal lil min jinsab fid-dlamijiet u d-dell
tal-mewt,
u jmexxi l-passi tagħna fit-triq
tas-sliem”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
It-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu
Solennità – Quddiesa tal-Vġili
Qari I
Il-Mulej tgħaxxaq bik.
Is 62:1-5
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Minħabba f’Sijon ma nehdiex,
minħabba f’Ġerusalemm ma niskotx,
sa ma tfeġġ bħal dija
l-ġustizzja tagħha,
tħeġġeġ bħal
torċa s-salvazzjoni tagħha.
Il-ġustizzja tiegħek għad
jarawha l-ġnus,
u s-sebħ tiegħek jarawh is-slaten
kollha.
B’isem ġdid għad isejħulek,
isem li għad jagħżlu fomm
il-Mulej.
Għad tkun kuruna ta’ ġmiel f’id
il-Mulej,
u dijadema ta’ sultan f’id Alla tiegħek.
Ma jgħidulekx aktar l-Abbandunata,
lanqas lil artek l-Imħarbta.
Lilek għad isejħulek Għaxqti
fiha,
u lil artek għad jgħidulha
Għarusa;
għax l-għaxqa tal-Mulej fik, u artek
għad titgħarras.
Bħalma għarus jitgħarras xebba,
hekk jitgħarrsek il-Bennej tiegħek;
u bħalma l-għarus jitgħaxxaq
b’għarustu,
hekk jitgħaxxaq bik Alla tiegħek.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 88 (89):4-5,16-17,27,29
R/. (2a): It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem
ngħanni.
Int għedt, Mulej:
“Għamilt patt mal-magħżul
tiegħi,
ħlift lil David, il-qaddej tiegħi:
Jien nagħmel li nislek jibqa’ għal
dejjem,
li f’kull żmien jibqa’ sħiħ
it-tron tiegħek”. R/.
Hieni l-poplu li jaf jgħajjat
bil-ferħ,
li jimxi, Mulej, fid-dawl ta’ wiċċek.
B’ismek jithennew il-jum kollu,
u bil-ġustizzja tiegħek jifirħu.
R/.
“Hu jsejjaħli: ‘Int missieri u Alla tiegħi,
fortizza u salvazzjoni tiegħi!’.
It-tjieba tiegħi nżommha fuqu
għal dejjem,
u l-patt tiegħi miegħu jibqa’
sħiħ”. R/.
Qari II
Pawlu jixhed għal Kristu, Bin David.
Atti 13:16-17,22-25
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Meta ġie f’Antijokja ta’ Pisidja, Pawlu
qam fis-sinagoga, għamel sinjal b’idu u beda jitkellem: “Nies ta’
Iżrael, u intom il-ġnus li tibżgħu minn Alla, isimgħuni. Alla
ta’ dan il-poplu ta’ Iżrael għażel lil missirijietna. Meta l-poplu kien jgħix
f’art barranija, fl-Eġittu, Alla għamlu poplu kbir u ħarġu minn hemm
bil-qawwa ta’ driegħu.
Meta mbagħad neħħa lil Sawl,
qiegħed bħala sultan tagħhom lil David, li għalih ta din ix-xhieda: ‘Sibt lil David, bin Ġesse, raġel skont qalbi, li jagħmel dak kollu li rrid jien’.
Min-nisel ta’ David, Alla, skont il-wegħda
tiegħu, ġieb għal Iżrael salvatur, li hu Ġesù. Qabel il-miġja
tiegħu, Ġwanni ħareġ ixandar magħmudija ta’ ndiema lill-poplu kollu ta’
Iżrael. U meta kien wasal fi tmiem il-ħidma tiegħu, Ġwanni
qal: ‘Jien m’iniex dak li intom taħsbu li jien. Imma, araw, warajja ġej
wieħed li jien anqas jistħoqqli nħoll il-qorq ta’ riġlejh’.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel
l-Evanġelju
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Għada jinqered il-ħażen tal-art,
u jsaltan fuqna s-Salvatur tad-dinja.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Kristu, bin David.
Mt 1:1-25
Bidu tal-Evanġelju skont San Mattew
Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Kristu, bin David,
bin Abraham. Abraham nissel lil Iżakk,
Iżakk nissel lil Ġakobb, Ġakobb nissel lil Ġuda u lil ħutu, Ġuda nissel lil Fares u lil
Żaraħ minn Tamar, Fares nissel lil Ħesron, Ħesron nissel lil Aram, Aram
nissel lil Għamminadab, Għamminadab nissel lil Naħson,
Naħson nissel lil Salmon, Salmon nissel lil Bogħaż minn Raħab,
Bogħaż nissel lil Għobed minn Rut, Għobed nissel lil Ġesse, Ġesse
nissel lil David, is-sultan.
David nissel lil Salamun mill-mara ta’ Urija,
Salamun nissel lil Robogħam,
Robogħam nissel lil Abija, Abija nissel lil Asa, Asa nissel lil Ġosafat, Ġosafat nissel lil
Ġoram, Ġoram nissel lil Għużżija, Għużżija nissel lil Ġotam,
Ġotam nissel lil Aħaż, Aħaż nissel lil Ħeżekija, Ħeżekija nissel lil
Manassi, Manassi nissel lil Amon, Amon nissel lil Ġosija, Ġosija nissel lil Ġekonija u lil
ħutu; kien żmien l-eżilju
f’Babilonja.
Wara l-eżilju f’Babilonja, Ġekonija
nissel lil Salatjel, Salatjel nissel lil Żorobabel, Żorobabel nissel lil Abiħud, Abiħud
nissel lil Eljakim, Eljakim nissel lil
Ażor, Ażor nissel lil Sadok, Sadok nissel lil Akim, Akim nissel lil Eliħud, Eliħud nissel lil Elgħażar,
Elgħażar nissel lil Mattan, Mattan nissel lil Ġakobb, Ġakobb nissel lil Ġużeppi,
ir-raġel ta’ Marija, li minnha
twieled Ġesù li jsejħulu l-Messija.
Mela n-nisel kollu kien, minn Abraham sa David,
erbatax-il nisel, minn David
sal-eżilju ta’ Babilonja, erbatax-il nisel; u mill-eżilju ta’ Babilonja sal-Messija, erbatax-il nisel.
It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk:
ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu
flimkien, saret omm bil-ħidma
tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel
ġust u ma riedx ixandarha
quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Meta kien għadu qiegħed jaħsibha,
deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin
David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija għax dak li tnissel fiha
ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù,
għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”.
Dan kollu ġara biex iseħħ dak li
kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Ara, ix-xebba tnissel u
jkollha iben, u jsemmuh
Għimmanu-El”, li bi lsienna jfisser “Alla magħna”. Ġużeppi, meta qam, għamel kif
ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu. Imma baqa’ ma
għarafhiex sa ma kellha iben, u semmieh Ġesù.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
Jew
il-forma l-qasira
Evanġelju
Marija jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù.
Mt 1:18-25
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk:
ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu
flimkien, saret omm bil-ħidma
tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel
ġust u ma riedx ixandarha
quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies.
Meta kien għadu qiegħed
jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin
David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija għax dak li tnissel fiha
ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù,
għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”.
Dan kollu ġara biex iseħħ dak li
kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Ara, ix-xebba tnissel u
jkollha iben, u jsemmuh
Għimmanu-El”, li bi lsienna jfisser “Alla magħna”. Ġużeppi, meta qam, għamel kif
ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu. Imma baqa’ ma
għarafhiex sa ma kellha iben, u semmieh Ġesù.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.