It-Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Imxu fl-imħabba, bħalma Kristu wkoll ħabb lilna.

Efes 4, 32 -5, 8

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

 

Ħuti, kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu. Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba, u imxu fl-imħabba, bħalma Kristu wkoll ħabb lilna u ta lilu nnifsu għalina, offerta u sagrifiċċju jfuħu quddiem Alla. Żína u kull xorta ta’ faħx jew regħba, ebda waħda minnhom ma għandha biss tissemma fostkom, kif jixraq lill-qaddisin. U anqas kliem baxx u kliem iblah, jew ċajt mhux sewwa, kollha ħwejjeġ li ma jixirqux; imma aktar għandu jkun hemm fostkom radd il-ħajr. Għax dan kunu afu: li ebda żieni jew faħxi jew rgħib – li hu idolatra – ma jkollu wirt fis-Saltna ta’ Kristu u ta’ Alla. Tħallu lil ħadd iqarraq bikom bi kliem fieragħ, għaliex minħabba f’hekk tinżel il-korla ta’ Alla fuq dawk li ma jisimgħux. Mela tissieħbu qatt magħhom! Intom kontu darba dlam, imma issa intom dawl fil-Mulej; għixu ta’ wlied id-dawl li intom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 1, 1-2.3.4 u 6

 

R/. (ara Efes 5,1): Inkunu nixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba

 

Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena,

li ma jiqafx fi triq il-ħatjin,

li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;

imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu,

lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu. R/.

 

Hu bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma

li tagħmel il-frott fi żmienha,

u l-weraq tagħha ma jidbielx;

hu jirnexxi f’kulma jagħmel. R/.

 

Mhux hekk il-ħżiena, mhux hekk;

iżda huma bħal tibna li jtajjarha r-riħ.

Għax triq it-tajbin il-Mulej jafha;

imma triq il-ħżiena tintemm fix-xejn. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Ġw 17, 17b.a

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kelma tiegħek, Mulej, hi l-verità;

qaddisna permezz tal-verità.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Mela għax illum is-Sibt, din il-mara, bint Abraham, ma kellhiex tinħall mill-irbit?

Lq 13, 10-17

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Darba s-Sibt, Ġesù kien qiegħed jgħallem f’waħda mis-sinagogi. U kien hemm mara li kienet ilha tmintax-il sena bi spirtu li kien imarradha; kienet milwija ħafna, u ma kinitx tista’ tieqaf dritta għalkollox. Kif raha Ġesù sejħilha u qalilha: “Mara, inti meħlusa mill-mard tiegħek”. U qegħdilha jdejh fuqha, u minnufih waqfet dritta u bdiet tfaħħar lil Alla. Qabeż il-kap tas-sinagoga, b’saħna fuqu għax Ġesù fejjaq f’jum is-Sibt, u qal lin-nies: “Hemm sitt ijiem li fihom wieħed għandu jaħdem; mela fihom ejjew biex titfejqu, u mhux is-Sibt”.Uċuħ b’oħra”, wieġbu l-Mulej: “Mhux kull wieħed minnkom f’jum is-Sibt iħoll il-barri jew il-ħmar tiegħu mill-maxtura u jieħdu biex jisqih? U mela għax illum is-Sibt, din il-mara, bint Abraham, ma kellhiex tinħall mill-irbit li fih ix-Xitan ilu jżommha għal tmintax-il sena sħaħ?”. Kif qal hekk, kull min kien kontra tiegħu regħex bil-mistħija; iżda n-nies ilkoll ferħu għal dawk l-għeġubijiet kollha li kien qiegħed jagħmel.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu