Il-Ħamsa
u Għoxrin Ġimgħa
taż-Żmien ta’ Matul
is-Sena
Il-Ġimgħa
Qari I
Dalwaqt, ftit ieħor biss u nimla dan
it-tempju bil-glorja.
Ħag 1, 15b – 2,9
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Ħaggaj
Fit-tieni sena tas-sultan Darju, fis-seba’ xahar, fil-wieħed u għoxrin tax-xahar, ġiet il-kelma tal-Mulej permezz ta’ Ħaggaj, il-profeta, u qallu: “Isa, mur kellem lil Żerubbabel
bin Sijaltijel, gvernatur
ta’ Ġuda, u lil Ġożwè bin Ġeħosadak,
il-qassis il-kbir, u lill-bqija tal-poplu, u għidilhom: Min għad baqa’ fostkom li ra dan it-tempju
fil-glorja li kellu qabel? U issa kif
qegħdin tarawh? F’għajnejkom mhux forsi qisu xejn?
Imma
issa qawwi qalbek, Żerubbabel, oraklu tal-Mulej, qawwi qalbek, Ġożwè
bin Ġeħosadak, il-qassis
il-kbir; qawwi qalbek, poplu tal-pajjiż,
oraklu tal-Mulej. Aqbdu aħdmu, għax jiena magħkom, oraklu tal-Mulej tal-eżerċti.
Il-kelma li biha ntrabbat magħkom fi ħruġkom mill-Eġittu,
u l-ispirtu tiegħi, jibqgħu f’nofskom: la tibżgħux.
Għax
hekk jgħid il-Mulej tal-eżerċti: Dalwaqt, ftit ieħor
biss, u jiena nheżżeż is-smewwiet
u l-baħar u l-blat, u nqanqal il-ġnus kollha, u l-ġid kollu tal-popli jiġi kollu hawn, u nimla dan
it-tempju bil-glorja, jgħid il-Mulej tal-eżerċti. Tiegħi
l-fidda u tiegħi d-deheb, oraklu tal-Mulej
tal-eżerċti. Il-glorja
tal-aħħar ta’ dan
it-tempju tkun akbar minn
ta’ qabel, jgħid il-Mulej tal-eżerċti; u
f’dan il-post jiena nagħti s-sliem”. Oraklu tal-Mulej tal-eżerċti.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 42 (43), 1.2.3.4
R/. (ara
5bċ): Ittama f’Alla, hu l-għajnuna u Alla tiegħi
Agħmel
ħaqq miegħi int, Mulej,
u min-nies bla tieba
ddefendi l-kawża tiegħi;
min-nies
qarrieqa u ħżiena
eħlisni. R/.
Inti l-kenn tiegħi, o Alla;
għaliex
warrabtni?
Għax
għandi ngħix imdejjaq
taħt
it-tagħkis tal-għadu?
R/.
Ibgħat
id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek;
huma
jmexxuni;
iwassluni
sal-għolja mqaddsa tiegħek
u sal-għerejjex tiegħek.
R/.
U nidħol ħdejn l-artal ta’ Alla,
ħdejn
Alla, ferħ u hena tiegħi.
U rroddlok
ħajr biċ-ċetra,
o Alla, Alla tiegħi.
R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mk 10, 45
Hallelujah. R/. Hallelujah
Bin il-bniedem ġie biex jaqdi
u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Inti l-Messija ta’ Alla.
Jeħtieġ li Bin il-bniedem
ibati ħafna.
Lq 9, 18-22
Qari
mill-Evanġelju skont
San Luqa
Darba,
waqt li Ġesù kien qiegħed jitlob waħdu, kien hemm miegħu
d-dixxipli tiegħu, u hu staqsiehom: “Min jgħidu n-nies li jien?”. Huma weġbuh
u qalulu: “Ġwanni
l-Battista; oħrajn, Elija;
u oħrajn, li qam wieħed mill-profeti tal-imgħoddi”.
Qalilhom:
“Imma intom min tgħidu li jien?”. Qabeż Pietru
u qallu: “Inti l-Messija
ta’ Alla”. Imbagħad ikkmandahom u qalilhom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd b’dan. U qalilhom: “Jeħtieġ li
Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu