24 ta’ Awwissu

San Bartilmew, Appostlu

Festa

 

Qari I

Apok 21: 9b-14

 

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi

 

L-anġlu ġie jkellimni u qalli: “Ejja nurik il-Għarusa mart il-Ħaruf.” U ħadni fl-Ispirtu fuq muntanja kbira u għolja, u wrieni l-Belt Qaddisa, Ġerusalemm, nieżla mis-sema mingħand Alla, bis-sebħ ta’ Alla fiha, tiddi bħal ħaġra mill-aktar prezzjuża, bħal ġaspru jleqq daqs il-kristall. Għandha ħajt kbir u għoli, bi tnax-il bieb fih, u tnax-il Anġlu fil-bibien, li fuqhom hemm miktuba ismijiet, jiġifieri, l-ismijiet tat-tnax-il tribù ta’ wlied Israel. Tlieta minn dawn il-bibien jagħtu għan-naħa tal-lvant, tlieta għan-naħa tat-tramuntana, tlieta għan-naħa tan-nofsinhar, u tlieta għan-naħa tal-punent. U l-ħajt tal-Belt għandu tnax-il pediment, li fuqhom hemm it-tnax-il isem tat-tnax-il Appostlu tal-ħaruf.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

144: 10-13.17-18

 

R/.   Ħbiebek ixandru l-ġmiel ta’ saltnatek!

 

Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej,

u ħbiebek iberkuk;

is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.

 

Huma jgħarrfu lill-bnedmin il-qawwa tiegħek

u l-ġmiel glorjuż tas-saltna tiegħek.

Saltnatek hi saltna taż-żminijiet kollha,

u l-ħakma tiegħek minn nisel għal nisel. R/.

 

Ġust il-Mulej fl-imġieba tiegħu kollha,

twajjeb fl-għemil tiegħu kollu.

Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu,

lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. R/.

 

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

ara Ġw 1:49b

 

R/. Hallelujah

Rabbi, int l-Iben ta’ Alla, inti s-Sultan ta’ Israel.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġw 1:45-51

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien: Filippu sab ’il Natanael u qallu: “Sibna ’l dak li fuqu kitbu Mosè, fil-Liġi, u l-profeti, Ġesù ta’ Nazaret, bin Ġużeppi.” Qallu Natanael: “Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?” “Ejja u ara,” wieġbu Filippu. Meta Ġesù ra lil Natanael riesaq lejh,  qal: “Hawn hu Israeli li jistħoqqlu dan l-isem; ma hemm ebda qerq fih.” Natanael staqsieh: “Rabbi, kif sirt tafni?”

 

U Ġesù wieġbu: “Rajtek taħt siġra tat-tin qabel ma kellmek Filippu.” “Rabbi,” qallu Natanael, “int l-Iben ta’ Alla, inti s-sultan ta’ Israel!” Ġesù wieġbu: “Qiegħed temmen għax għidtlek li rajtek taħt is-siġra tat-tin? Għad tara ħwejjeġ akbar minn dawn.” U żied jgħidlu: ‘Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom: għad taraw is-sema miftuħ u l-anġli ta’ Alla niżlin u telgħin fuq Bin il-bniedem.”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.