24 ta’ Ġunju
It-Twelid ta’ San
Ġwann Battista
Solennità
Qari I
Is 49:1-6
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Isimgħuni, gżejjer, agħtuni widen, popli
mbiegħda! Il-Mulej mill-ġuf sejjaħli, minn ħdan ommi ftakar
f’ismi. Għamilli fommi xabla msinna, taħt id-dell ta’ idu
ħbieni. Għamel minni vleġġa maħtura, fil-barżakka
tiegħu ħbieni. U qalli: “Israel, inti l-qaddej tiegħi, bik jiena
nkun imfaħħar.”
U
jien għedt: “Għalxejn inkeddejt, u fix-xejn ħlejt
saħħti.” Imma l-ġustizzja tiegħi fil-Mulej u l-ħlas
tiegħi għand Alla tiegħi.
U
issa tkellem il-Mulej, li minn ħdan ommi għamilni qaddej tiegħu,
biex għandu rreġġa’ lura ’l Ġakobb u biex Israel
jinġabar miegħu mill-ġdid, għax jien kont
imfaħħar f’għajnejn il-Mulej, u Alla tiegħi kien il-qawwa
tiegħi. Hu qalli: “Tkun ħaġa żgħira wisq għalik
li inti tkun il-qaddej tiegħi biex tqajjem biss it-tribù ta’ Ġakobb u
treġġa’ lura l-fdal ta’ Israel. Jien nagħmel minnek dawl
għall-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex.”
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 138
R/. Irroddlok
ħajr, għax tal-għaġeb għamiltni!
Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;
int taf meta noqgħod u meta nqum,
int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.
Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;
triqati kollha inti tafhom sewwa.
R/.
Int sawwart il-ġewwieni tiegħi,
u f’ġuf ommi inti nsiġtni.
Irroddlok ħajr, għax tal-għaġeb
għamiltni:
tal-għaġeb huma l-għemejjel
tiegħek. R/.
U ’l ruħi inti tafha tajjeb.
Ma kienx moħbi għadmi minnek,
meta kont qiegħed insir fis-satra
u nintiseġ fil-qigħan tal-art.
R/.
Qari II
Atti 13:22-26
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak
iż-żmien: Pawlu qal: “Alla, lil missirijietna, qiegħed ’il David
bħala sultan tagħhom, li għalih ta din ix-xhieda: ‘Sibt ’il
David, bin Ġesse, raġel skont qalbi li jagħmel dak kollu li rrid
jien.’ Hu minn nislu li Alla, skont il-wegħda tiegħu, ġieb
għal Israel salvatur, li hu Ġesù. Qabel il-miġja tiegħu,
Ġwanni deher ixandar magħmudija ta’ ndiema lill-poplu kollu ta’
Israel.
U
meta kien wasal fi tmiem il-ħidma tiegħu, Ġwanni qal: ‘Jien
miniex dak li intom taħsbu li jien. Dan ġej warajja, u jien anqas
jistħoqqli nħoll il-qorq ta’ riġlejh.’ Ħuti, ulied in-nisel
ta’ Abraham, u intom li tibżgħu minn Alla, lilna ġiet
mibgħuta l-bxara ta’ din is-salvazzjoni.”
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni għall-Evanġelju
Lq 1:76
Hallelujah.
Hallelujah.
Int, tfajjel,
tissejjaħ profeta tal-Għoli,
għax tmur qabel
il-Mulej biex tħejjilu triqatu.
Hallelujah.
Evanġelju
Lq 1:57-66.80
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Eliżabetta
għalqilha ż-żmien li teħles, u kellha tifel. Il-ġirien
u qrabatha semgħu li l-Mulej wera ħniena kbira magħha, u marru
jifirħu magħha. Meta mbagħad fit-tmien jum ġew biex jagħmlu
ċ-ċirkonċiżjoni lit-tifel, riedu jsemmuh Żakkarija,
għal missieru; imma qabżet ommu u qalet: “Le, imma Ġwanni jkun
jismu.” Qalulha: “Ma hemm ħadd li jismu hekk fost qrabatek!”
Imbagħad bdew jistaqsu bis-sinjali lil missieru x’ried isemmih,
u hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u kiteb hekk: “Ismu huwa
Ġwanni.” U kulħadd baqa’ mistagħġeb. Dak il-ħin stess
Żakkarija nfetaħlu fommu, ilsienu nħall, u beda jitkellem u
jfaħħar ’l Alla.
U l-ġirien tagħhom ilkoll qabadhom il-biza’, u bdew
ixerrdu dawn il-ġrajjiet kollha mal-għoljiet kollha tal-Lhudija, u
kull min kien jismagħhom kien iżommhom f’qalbu u jgħid: “Mela
x’għad ikun dan it-tifel?” U tassew, id il-Mulej kienet miegħu.
It-tifel kiber u ssaħħaħ f’ruħu, u baqa’ jgħix fid-deżert
sa dakinhar li ħareġ quddiem Israel.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.