Il-Festa ta’ Marija Omm il-Knisja
Qari I (3: 9-15-20)
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
Wara li Adam kiel mis-siġra, il-Mulej Alla sejjaħlu
u staqsieh: “Fejn int?” U dak wieġeb:
“Smajt ħossok fil-ġnien u bżajt għax jien għarwien, u nħbejt.” U staqsieh: “Min qallek li int għarwien? Jaqaw kilt mis-siġra li jien ordnajtlek biex ma tikolx minnha?” U wieġeb Adam: “Il-mara li inti tajtni miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena
kilt.” U l-Mulej Alla qal
lill-mara: “X’inhu dan li għamilt?” U l-mara wieġbet: “Is-serp qarraq
bija, u jiena kilt.” U l-Mulej Alla qal lis-serp: “Talli għamilt dan,
misħut int fost il-bhejjem kollha u fost l-annimali selvaġġi.
Għal żaqqek titkaxkar, u t-trab tal-art tiekol il-jiem kollha ta’
ħajtek. U jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn in-nisel
tiegħek u n-nisel tagħha, u hu jisħaqlek rasek u int
tisħaqlu għarqubu.” U Adam semma lil martu Eva għax kienet omm
il-ħajjin kollha.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Jew
QARI I (Atti 1, 12-14)
Kienu jżommu sħiħ
fit-talb, flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù
Qari mill-Ktieb tal-Atti
tal-Appostli
Wara li Ġesù tela
s-sema l-appostli reġgħu
lura lejn Ġerusalemm mill-għolja msejħa taż-Żebbuġ, li hi ’l bogħod mill-belt daqs il-mixja tas-Sibt. Xħin daħlu l-belt, telgħu fil-kamra ta’ fuq
tad-dar fejn kienu joqogħdu. Kienu: Pietru u Ġwanni, Ġakbu u Indrì, Filippu u Tumas, Bartilmew u Mattew, Ġakbu bin Alfew, u Xmun jgħidulu
l-Imħeġġeġ, u Ġuda
bin Ġakbu.
U, magħqudin
qalb waħda, kienu jitolbu flimkien, ma’ xi nisa u ma’ Marija, omm Ġesù, u ma’ ħutu.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 86 (87), 1-2.3 u 5.6-7
R/. Ħwejjeġ
sbieħ jingħadu dwarek o Belt ta’ Alla!
Il-Mulej bena lil Sijon
fuq l-għoljiet imqaddsa;
hu jħobb il-bibien
tagħha
aktar mill-għamajjar kollha
ta’ Ġakobb. R/.
O belt ta’ Alla,
ħwejjeġ sbieħ
hu jgħid fuqek:
U dwar Sijon jingħad:
“Ilkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha!
U Alla l-Għoli nnifsu jwettaqha f’postha.”R/.
Jikteb il-Mulej fil-ktieb tal-popli:
“Dan twieled hemm!”
U jgħannu,
huma u jiżfnu,
dawk kollha li jgħammru
fik. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Hallelujah. R/. Hallelujah
O Verġni
hienja, li nissilt lill-Mulej; O Omm imbierka tal-Knisja, li tqawwi fina l-ispirtu
tal-Iben tiegħek, Ġesù Kristu.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Jiena nemmen. Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi.
Ġw 19, 25-34
Qari mill-Evanġelju skont
San Ġwann
F’dak iż-żmien
kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif
Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek.”
Imbagħad qal lid-dixxiplu:
“Hawn hi ommok.” U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu. Wara dan, Ġesù,
billi issa kien jaf li kollox
kien mitmum, biex isseħħ l-Iskrittura qal: “Għandi l-għatx!” Kien hemm bieqja
mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponża
bil-ħall, waħħluha
ma’ qasba tal-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu. Kif Ġesù ħa l-ħall, qal: “Kollox hu mitmum!”
Imbagħad mejjel rasu u radd ruħu.
Billi kien Jum it-Tħejjija tal-Għid, il-Lhud ma ridux li f’jum is-Sibt l-iġsma jibqgħu fuq is-salib, għax dak is-Sibt kien
jum solenni għalihom. Talbu mela lil Pilatu
biex jiksrulhom riġlejhom u jneħħu
l-iġsma. Għalhekk
ġew is-suldati u kisru r-riġlejn tal-ewwel u tat-tieni wieħed li kienu msallbin miegħu. Iżda meta waslu
għal Ġesù, billi raw li kien ġa mejjet, ma kisrulux riġlejh. Madankollu, wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir
lilek Kristu