It-Tieni Ħadd tal-Għid

Jew il-Ħadd tal-Ħniena Divina

 

Qari I

L-għadd ta’ dawk li kienu jemmnu fil-Mulej kien dejjem jiżdied.

Atti 5:12-16

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

Bis-saħħa tal-appostli kienu jsiru ħafna sinjali u mirakli fost il-poplu. U huma lkoll qalb waħda kienu jinġabru flimkien fil-portiku ta’ Salamun, u ħadd mill-oħrajn ma kien jissogra jissieħeb magħhom; imma kulħadd kien ifaħħarhom ħafna. L-għadd ta’ dawk li kienu jemmnu fil-Mulej, kemm irġiel kemm nisa, kien dejjem jiżdied u joktor, hekk li kienu wkoll iġorru l-morda tagħhom fuq sodod u mtieraħ u jqegħduhom fil-pjazez biex, xħin jgħaddi Pietru, jaqa’ mqar id-dell tiegħu fuq xi ħadd minnhom. In-nies kienu jiġu mill-ibliet ta’ madwar Ġerusalemm, iġorru l-morda u lil dawk li kienu maħkuma mill-ispirti mniġġsa; u lkoll kienu jitfejqu.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 117(118):2-4,22-24,25-27a

 

R/.(1): Faħħru ’l Mulej, għaliex hu tajjeb!

jew

R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.

 

Ħa jgħidu wlied Iżrael:

“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”.

Ħa tgħid dar Aron:

“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”.

Ħa jgħidu dawk li jibżgħu mill-Mulej:

“Għal dejjem it-tjieba tiegħu”. R/.

 

Il-ġebla li warrbu l-bennejja

saret il-ġebla tax-xewka.

Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:

ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;

ħa nifirħu u nithennew fih! R/.

 

Ejja, nitolbuk, Mulej, salvana!

Ejja, nitolbuk, Mulej, agħtina r-riżq!

Imbierek minn ġej f’isem il-Mulej!

Inberkukom minn dar il-Mulej.

Jaħweh hu Alla; hu d-dawl tagħna. R/.

 

Qari II

Jien kont mejjet, u ara, jien issa ħaj għal dejjem ta’ dejjem.

Apok 1:9-11a,12-13,17-19

 

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

 

Jiena, Ġwanni, ħukom u sieħeb tagħkom fit-taħbit u fis-saltna u fis-sabar ma’ Ġesù, jien sibt ruħi fil-gżira jisimha Patmos minħabba l-Kelma ta’ Alla u x-xhieda ta’ Ġesù. Darba, f’jum il-Mulej, ħassejtni merfugħ fl-Ispirtu, u minn warajja smajt leħen qawwi, bħal ta’ tromba, jgħidli: “Kulma tara niżżlu fi ktieb u ibagħtu lis-seba’ knejjes”.

 

U jiena dort biex nara min kien qiegħed ikellimni; u, kif dort, rajt seba’ kandelabri tad-deheb, u f’nofs il-kandelabri kien hemm wieħed qisu Iben ta’ bniedem, liebes libsa twila sa wiċċ saqajh, b’sidru mħażżem bi ħżiem tad-deheb.

 

Jien, kif rajtu, waqajt qisni mejjet f’riġlejh. Iżda hu ressaq idu l-leminija fuqi u qalli: “Tibżax! Jien hu l-Ewwel u l-Aħħar, jiena l-Ħaj; jien kont mejjet, u ara, jien issa ħaj għal dejjem ta’ dejjem, u għandi jinsabu l-imfietaħ tal-Mewt u ta’ Post il-Mejtin. Ikteb kulma tara, kemm il-ħwejjeġ li hawn issa u kemm dawk li se jiġru ’l quddiem”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 20:29

 

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Tumas, emmint għax rajtni, jgħid il-Mulej;

henjin dawk li ma rawx u emmnu.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Tmint ijiem wara ġie Ġesù.

Ġw 20:19-31

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.

 

Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”. Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”.

 

Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”. Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”.

 

Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.