It-Tielet Ġimgħa tal-Għid
Is-Sibt
Qari I
Il-Knisja kienet dejjem tikber u tiżdied fl-għadd bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu.
Atti 9, 31-42
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak
iż-żmien, il-Knisja
kienet fis-sliem fil-Lhudija u l-Galilija u s-Samarija
kollha; kienet dejjem tikber u timxi ’l quddiem bil-biża’ tal-Mulej,
u tiżdied fl-għadd
bl-għajnuna tal-Ispirtu
s-Santu. Ġara
li Pietru, huwa u jdur dawk l-inħawi
kollha, niżel ukoll għand il-qaddisin
li kienu joqogħdu Lidda. Hemmhekk sab raġel mifluġ, jismu
Enea, li kien ilu tmien snin
mixħut fis-sodda. Pietru qallu: “Enea,
Ġesù Kristu jfejqek; qum u ifrex is-sodda inti stess”. U dak minnufih
qam. In-nies kollha li kienu joqogħdu f’Lidda u f’Saron
rawh,
u daru lejn il-Mulej.
F’Ġaffa
kien hemm waħda mid-dixxipli jisimha Tabita, isem li
jfisser Għażżiela; kienet mara
tagħmel ħafna opri ta’ karità u għemejjel
tajba. Ħabat li f’dawk il-ġranet mardet u mietet;
keffnuha, u qegħduha fil-kamra ta’ fuq. Billi Lidda tiġi
qrib Ġaffa, id-dixxipli,
meta
semgħu li Pietru kien hemm, bagħtulu
żewġt irġiel
jitolbuh u jgħidulu: “Iddumx ma tiġi sa għandna”. Minnufih Pietru qam u
telaq magħhom. Kif wasal, tellgħuh
fil-kamra ta’ fuq, u r-romol kollha daru miegħu, jibku u juruh l-ilbiesi u l-imnatar li kienet
għamlitilhom
Tabita meta kienet għadha magħhom. Pietru bagħat
lil
kulħadd ’il
barra u niżel għarkupptejh jitlob. Imbagħad dar lejn il-katavru u qal: “Tabita, qum!”. Hi fetħet
għajnejha u, malli rat
lil Pietru, qamet bilqiegħda. Pietru
taha
idu u qajjimha. Sejjaħ imbagħad lill-qaddisin u r-romol, u tahielhom
ħajja. Ġaffa
kollha saret taf b’dan, u ħafna
emmnu fil-Mulej.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 115 (116), 12-13.14-15.16-17
R/. (12): Xi rrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi?
jew:
Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Xi rrodd lill-Mulej
għall-ġid
kollu li għamel miegħi?
Ngħolli
l-kalċi tas-salvazzjoni,
u
isem il-Mulej insejjaħ. R/.
Intemm
lill-Mulej il-wegħdiet
tiegħi,
quddiem
il-poplu tiegħu kollu.
Għażiża
f’għajnejn il-Mulej
hi
l-mewt tal-ħbieb tiegħu. R/.
Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek,
jien
qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.
Int
ħallejtli l-irbit tiegħi.
Lilek
noffri sagrifiċċju
ta’ radd il-ħajr,
u
isem il-Mulej insejjaħ. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Ġw 6, 63ċ.68ċ
Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja;
Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Mulej, għand
min immorru? Inti għandek
il-kliem tal-ħajja ta’
dejjem.
Ġw 6, 60-69
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak
iż-żmien, ħafna
dixxipli ta’ Ġesù, meta semgħuh jitkellem
fuq
il-ħobż tal-ħajja
qalu: “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?”. Ġesù
ntebaħ waħdu li
d-dixxipli tiegħu kienu qegħdin igergru fuq hekk,
u qalilhom: “Dan il-kliem qiegħed ifixkilkom? Mela xi tgħidu kieku
kellkom taraw lil Bin il-bniedem tiela’ fejn kien
qabel? Hu l-ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom
huwa spirtu u ħajja. Iżda hemm xi wħud fostkom li ma jemmnux”.
Għaliex
Ġesù kien jaf sa
mill-bidu min kienu dawk li ma emmnux u min kien
dak li kellu jittradih. U ssokta jgħidilhom: “Kien għalhekk li jiena għedtilkom li ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx
li jiġi”. Minn dakinhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u
ma baqgħux imorru warajh. Imbagħad Ġesù qal lit-Tnax: “Tridux
titilqu
intom ukoll?”. Wieġbu Xmun
Pietru: “Mulej, għand min immorru?
Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna
li inti l-Qaddis ta’ Alla”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu