Il-Ħames Ġimgħa tar-Randan

L-Erbgħa

 

Qari I

Alla bagħat l-anġlu tiegħu u ħeles lill-qaddejja tiegħu.

Dan 3, 14-20.91-92.95

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel

 

F’dak iż-żmien, is-sultan Nabukodonosor qabad u qal: “Sirak, Mesak, u Għabednegu, jaqaw għamiltu l-ħsieb li ma taqdux ’l allati u li ma tqimux l-istatwa tad-deheb li jiena waqqaft? Issa, ara, intomx lesti li tinxteħtu fl-art, u tqimu l-istatwa li jiena għamilt, malli tisimgħu d-daqq tal-kornu, tal-fifra, taċ-ċetra, tal-arpa, tas-salterju, taż-żaqq, u ta’ kull xorta oħra ta’ mużika? Għax jekk ma tqimuhiex, tkunu minnufih mixħutin f’nofs forn ta’ nar iħeġġeġ. U liema hu dak alla li se jeħliskom minn idejja?”.

 

Sidrak, Mesak u Għabednegu wieġbu lis-sultan u qalulu: Nabukodonosor, aħna m’għandniex għalfejn inweġbuk fuq din il-ħaġa. Jekk inhu tassew hekk, Alla tagħna, li aħna nqimu, jista jeħlisna minn idejk, O Sultan! U mqar jekk le, kun af, sultan, li ’l allatek m’aħniex se naqduhom, u l-istatwa tad-deheb li int waqqaft m’aħniex se nqimuha”.

 

Imbagħad Nabukodonosor imtela bil-korla, u l-bixra ta’ wiċċu tbiddlet kontra Sidrak, Mesak u Għabednegu; u, bħala tweġiba, ordna li jqabbdu forn sebadarbiet isħan mis-soltu, u ried li xi rġiel b’saħħithom mill-armata tiegħu jorbtu ’l Sidrak, ’il Mesak u ’l Għabednegu, u jixħtuhom ġol-forn tan-nar iħeġġeġ.

 

Imbagħad is-sultan Nabukodonosor stagħġeb u qam minnufih, u qabad u qal lill-kunsillieri tiegħu: “Mhux tlieta kienu l-irġiel li xħetna marbutin fil-forn tan-nar?”. Wieġbu lis-sultan u qalulu: “U żgur, sultan”. Iżda hu raġa’ u qal: “Din x’biċċa hi! Jiena qiegħed nara erbat irġiel, maħlulin u mexjin fil-forn tan-nar, u r-rabawieħed qisu xi wild l-allat”.

 

Nabukodonosor qabad u qal: “Imbierek Alla ta’ Sidrak, Mesak u Għabednegu, li bagħat l-anġlu tiegħu u ħeles lill-qaddejja tiegħu li ttamaw fih u kisru l-ordni tas-sultan, u taw ħajjithom biex ma jaqdux u ma jqimux alla ieħor ħlief lil Alla tagħhom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Dan 3, 52.53-54.55-56

 

R/. (52b): Ta’ min ifaħħrek u jgħollik fuq kollox għal dejjem.

 

Imbierek int, Mulej, Alla ta’ missirijietna,

Imbierek ismek, qaddis u msebbaħ. R/.

 

Imbierek int fit-tempju tas-sebħ imqaddes tiegħek,

Imbierek int fuq it-tron ta’ saltnatek. R/.

 

Imbierek int li qiegħed fuq il-kerubini

li ħarstek tinfed l-abbissi,

Imbierek int fil-wisakollu tas-sema. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Lq 8, 15

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Henjin dawk li jisimgħu l-kelma b’qalb tajba u sinċiera,

jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Jekk l-Iben jeħliskom, tkunu tabilħaqq ħielsa.

Ġw 8, 31-42

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil-Lhud li emmnu fih: “Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi u tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom”. Qalulu: “Aħna nisel Abraham, u qatt ma konna lsiera ta’ ħadd. Kif tiġi tgħidilna li nkunu ħielsa?”.

 

Weġibhom Ġesù: “Tassew tassew ngħidilkom, li kull min jagħmel id-dnub huwa lsir tad-dnub. U l-ilsir ma jibqax fil-familja għal dejjem; imma l-iben għal dejjem jibqa’. Jekk l-Iben jeħliskom, tkunu tabilħaqq ħielsa. Jiena naf li intom nisel Abraham; madankollu qegħdin tfittxu li toqtluni, għax il-kelma tiegħi ma qabditx l-art fikom. Jiena qiegħed nitkellem fuq dak li rajt għand Missieri, u intom tagħmlu dak li smajtu mingħand missierkom”.

 

Qabżu u qalulu: “Missierna hu Abraham”. Qalilhom Ġesù: “Kieku kontu wlied Abraham, kontu tagħmlu bħalma għamel Abraham. Iżda issa qegħdin tfittxu li toqtlu lili, bniedem li għedtilkom il-verità li smajt mingħand Alla. Dan ma għamlux Abraham. Intom tagħmlu bħalma jagħmel missierkom”.

 

Qalulu: “Aħna m’aħniex ulied iż-żína! Missier wieħed għandna, lil Alla”. Qalilhom Ġesù: “Li kieku Alla kien missierkom, lili kontu tħobbuni, għax jien ħriġt u ġejt mingħand Alla. Għax jien ma ġejtx minn rajja, imma kien hu li bagħatni”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu