Is-Seba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Jekk ħsiebkom fil-ġlied, qisu li b’hekk ma tiftaħrux.

Ġak 3, 13-18

 

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu

 

Ħuti, hemm xi ħadd għaref u għaqli fostkom? Mela ħa juri bl-imġiba tajba tiegħu, għemilu bi ħlewwa għaqlija. Imma jekk intom għandkom l-għejra u l-imrar f’qalbkom u ħsiebkom fil-ġlied, qisu li b’hekk ma tiftaħrux u tigdbu kontra l-verità. Dan mhux l-għerf li ġej mis-sema, imma l-għerf ta’ din l-art, tal-ġisem u tax-xitan. Għax fejn hemm l-għejra u l-ġlied, hemm issib ittaqlib u kull xorta ta’ ħażen. L-għerf li ġej mis-sema, qabel kollox hu għerf safi, imbagħad hu għerf li jfittex is-sliem, it-tjubija u l-ħlewwa; huwa kollu ħniena u frott tajjeb, bla ma jħares lejn l-uċuħ u bla qerq. Dawk li jfittxu s-sliem jiżirgħu fis-sliem u jkollhom il-frott tal-ġustizzja.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 18 (19), 8.9.10.15

 

R/. (9a): Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb

 

Il-liġi tal-Mulej perfetta,

u tagħti l-ħajja;

ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,

u tgħallem lil min ma jafx. R/.

 

Il-preċetti tal-Mulej dritti,

u jferrħu l-qalb;

il-kmandament tal-Mulej safi,

u jdawwal l-għajnejn. R/.

 

Il-biża’ tal-Mulej sinċier,

u jibqa’ għal dejjem;

il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,

u mseddqa għalkollox. R/.

 

Ħa jkunu milqugħa quddiemek kliem fommi

u ħsieb qalbi,

Mulej, blata tiegħi u feddej tiegħi. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 2 Tim 1, 10

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt,

u dawwal il-ħajja permezz tal-Evanġelju.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jiena nemmen. Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi.

Mk 9, 14-29

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù, Pietru, Ġakbu u Ġwanni, niżlu minn fuq il-muntanja u ġew ħdejn id-dixxipli l-oħra, rawhom b’kotra kbira ta’ nies madwarhom, u xi kittieba jitlewmu magħhom. In-nies, kif rawh, ilkoll stagħġbu ħafna u ġrew lejh biex isellmulu. U hu staqsiehom: “Fuqiex qegħdin titlewmu magħhom?”. U wieħed mill-kotra qallu: “Mgħallem, ġibtlek lil ibni għax għandu spirtu mbikkem. U kull fejn jaħkmu jsabbtu mal-art u hu joħroġ ir-ragħwa minn ħalqu, jgħażżeż snienu u jibbies. Għedt lid-dixxipli tiegħek biex ikeċċuh minnu, u ma kellhomx ħila”. Qalilhom Ġesù: “Ja nies bla fidi! Kemm se ndum magħkom? Kemm se ndum

nissaportikom? Ġibuhuli quddiemi”. U ressquhulu quddiemu. L-ispirtu, malli lemaħ lil Ġesù, beda jħabbtu ’l hawn u ’l hemm bir-ragħwa f’ħalqu. Xi kemm ilu jagħtih hekk?” staqsa Ġesù lil missieru. Qallu: “Minn ċkunitu, u sikwit ġie li tefgħu fin-nar u fl-ilma biex jeqirdu. Imma int, jekk tista’ tagħmel xi ħaġa, għinna u ħenn għalina”. Qallu Ġesù: “Jekk tista’! Kollox jista’ jkun għal min jemmen”. Missier it-tifel minnufih beda jgħajjat u jgħidlu: “Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi!”.

 

Ġesù, meta ra l-kotra tiżdied, hedded bl-aħrax lill-ispirtu ħażin u qallu: “Ja spirtu mbikkem u trux, jiena nordnalek: oħroġ minnu, u la terġax tidħol fih, qatt iżjed”. U filwaqt li qabad jixher u jħabbtu ħafna, ħareġ minnu, u t-tifel inxteħet għal mejjet, hekk li l-kotra tan-nies bdiet tgħid: “Miet”. Imma Ġesù qabdu minn idu u qajmu, u hu waqaf fuq saqajh. Meta mbagħad Ġesù raġa’ daħal id-dar, id-dixxipli tiegħu staqsewh rasu u rashom: “Għaliex ma rnexxilniex inkeċċuh?”. Qalilhom: “Spirtu bħal dak, ma jista’ jitkeċċa b’xejn ħlief bit-talb”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu