Id-Disgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt
Qari I
L-Ispirtu ta’ dak li
qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom.
Rum 8, 1-11
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Għeżież, issa ma hemm ebda
kundanna għal dawk li jgħixu fl-għaqda ma’ Kristu Ġesù. Għax il-liġi tal-Ispirtu li jagħti l-ħajja fi Kristu Ġesù ħelsitni mil-liġi tad-dnub u tal-mewt.
Għax dak li ma felħitx tagħmel il-Liġi, għax kienet bla saħħa minħabba l-ġisem, għamlu Alla meta bagħat ’l Ibnu stess f’sura ta’ ġisem tad-dnub,
bħala vittma għad-dnub. B’hekk ikkundanna d-dnub fil-ġisem, biex dak li b’ġustizzja
titlob il-Liġi jseħħ fina li ngħixu, imma skont l-Ispirtu
u mhux skont il-ġisem.
Dawk li jgħixu skont il-ġisem, ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-ġisem;
dawk li jgħixu skont l-Ispirtu, ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-Ispirtu.
Ix-xewqat tal-ġisem iwasslu għall-mewt; ix-xewqat tal-Ispirtu jwasslu għall-ħajja u s-sliem. Għalhekk ix-xewqat tal-ġisem huma għedewwa ta’ Alla; ma joqogħdux għal-liġi
ta’ Alla, u anqas jistgħu joqogħdu.
Dawk li jgħixu skont il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla. Issa intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma tal-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma għandux fih l-Ispirtu ta’ Kristu, dan mhuwiex
tiegħu. Jekk Kristu jgħammar fikom, għalkemm il-ġisem hu mejjet minħabba
fid-dnub, imma l-Ispirtu hu ħajjitkom minħabba l-ġustizzja.
Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù
mill-imwiet jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu
mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa
tal-Ispirtu li jgħammar
fikom.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 23 (24), 1-2.3-4ab.5-6
R/. (ara 6): Aħna nfittxu ’l wiċċek, Mulej
Tal-Mulej hi l-art u kulma
fiha,
id-dinja u kulma jgħix fiha.
Għax hu fuq l-ibħra
waqqafha,
u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha. R/.
Min jista’ jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej?
Min joqgħod fil-post imqaddes
tiegħu?
Min għandu jdejh
indaf u qalbu safja,
min ma jagħtix ruħu għall-frugħa. R/.
Dan ikollu barka mingħand il-Mulej,
u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur
tiegħu.
Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh;
li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Eżek 33, 11
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jien ma nitgħaxxaqx b’mewt
il-midneb,
imma bir-reġgħa lura tiegħu minn triqtu biex jgħix.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Jekk ma tindmux,
ilkoll tintilfu xorta waħda.
Lq 13, 1-9
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, ġew xi wħud għand Ġesù u qalulu b’dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom.
U Ġesù qabad u qalilhom: “Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu?
Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom. Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom,
taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm? Le, ngħidilkom;
imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta
waħda”.
U qalilhom
din il-parabbola: “Wieħed
kellu siġra tat-tin imħawla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx. Għalhekk qal lil dak
li kien jaħdimlu l-għalqa: “Ara, ili tliet
snin niġi nfittex il-frott f’din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha, għax għalfejn se tibqa’ tkidd l-art?”. Iżda dak
wieġbu: “Inti ħalliha,
sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha””.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu