Il-Ħamsa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Ibnu d-dar, u jien nitgħaxxaq biha.

Ħag 1, 1-8

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ħaggaj

 

Fit-tieni sena tas-sultan Darju, fis-sitt xahar, fl-ewwel tax-xahar, il-Mulej, permezz tal-profeta Ħaggaj, kellem lill Żerubbabel bin Sijaltijel, gvernatur ta’ Ġuda, u lil Ġożwè bin Ġeħosadak, il-qassis il-kbir, u qalilhom: “Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti: “Dan il-poplu jgħid: It-tempju tal-Mulej għad ma wasallux iż-żmien li jinbena mill-ġdid!””.

 

U l-Mulej tkellem permezz tal-profeta Ħaggaj u qal: “Jaqaw għalikom huwa issa l-waqt li intom tgħammru fi djarkom imsaqqfa waqt li din id-dar għadha ħerba? U issa dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti: Ġibu quddiem għajnejkom minn xiex għaddejtu! Bosta żrajtu, imma ftit ħżintu; kiltu, u m’hemmx li tixbgħu; xrobtu, u m’hemmx li tiskru; ilbistu, u m’hemmx li tisħnu; u l-ħaddiem mikri jqiegħed ħlasu f’but imtaqqab. Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti: Ġibu quddiem għajnejkom minn xiex għaddejtu! Itilgħu fuq il-muntanja, ġibu l-injam u ibnu d-dar, u jien nitgħaxxaq biha u nissebbaħ fiha, jgħid il-Mulej”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 149 (150), 1-2.3-4.5-6a u 9b

 

R/. (4a): Il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida:

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu!

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu,

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom! R/.

 

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu,

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu,

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa. R/.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu,

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom,

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 6

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, jgħid il-Mulej.

Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Lil Ġwanni qtajtlu rasu; mela min hu dan li fuqu qiegħed nismadan kollu?

Lq 9, 7-9

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, dawn il-ġrajja kollha waslu f’widnejn Erodi t-tetrarka u beda jitħasseb, għaliex xi wħud kienu qegħdin jgħidu li Ġwanni qam mill-imwiet, waqt li oħrajn qalu li deher Elija, u oħrajn li qam wieħed mill-profeti tal-imgħoddi. Iżda Erodi qal: “Lil Ġwanni qtajtlu rasu; mela min hu dan li fuqu qiegħed nismadan kollu?”. U beda jfittex li jarah.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu