Il-Wieħed u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Żommu ruħkom wieqfa u sħaħ fit-tradizzjonijiet li intom tgħallimtu.

2 Tess 2, 1-3a.13-17

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

 

Ħuti, għal dak li għandu x’jaqsam mal-miġja ta’ Sidna Ġesù Kristu u l-ġemgħa tagħna biex ningħaqdu miegħu, nitolbukom biex ma toqogħdux tħawdu raskom malajr u tinħasdu bħallikieku l-miġja ta’ jum il-Mulej qorbot, u la jekk tkunu mnebbħin mill-ispirtu u lanqas jekk tisimgħu xi kelma jew taqraw xi ittra taparsi mingħandna. Tħalluxil min iqarraq bikom, b’ebda mod! Aħna għandna niżżu ħajr dejjem ’l Alla minħabba fikom, ħuti maħbubin mill-Mulej, għaliex Alla għażilkom biex tkunu l-ewwel frott tal-fidwa bil-qdusija tal-Ispirtu s-Santu u l-fidi fil-verità. Għal dan Alla sejħilkom permezz tal-Evanġelju tagħna, biex ikollkom sehem fil-glorja ta’ Ġesù Kristu. Mela, ħuti, żommu ruħkom wieqfa u sħaħ fit-tradizzjonijiet li intom tgħallimtu sew bil-kelma sew bl-ittra tagħna. Sidna Ġesù Kristu stess u Alla Missierna, li ħabbna u tana l-kuraġġ ta’ dejjem u t-tama sħiħa bil-grazzja, jqawwilkom qalbkom u jsaħħaħkom f’kull għemil u kelma tajba.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 138 (139), 1-3.4-6

 

R/. (1): Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni

 

Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;

int taf meta noqgħod u meta nqum,

int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.

Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;

triqati kollha inti tafhom sewwa. R/.

 

Inkun għadni anqas lissint il-kelma,

meta int, Mulej, tkun ġa tafha kollha.

Dawramejt inti tħaddanni,

u tqegħedli idek fuqi.

L-għerf tiegħek tal-għaġeb,

ma nwassalx għalih; għoli wisq,

u ma nlaħħaqx miegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lhud 4, 12

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija,

tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Dawn kien imisskom tagħmlu, bla ma tħallu l-oħrajn barra.

Mt 23, 23-26

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù waqt li kien qed jitkellem qal: Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom tħallsu d-dieċmi fuq in-nagħniegħ u l-busbies u l-kemmun, u mbagħad tagħlqu għajnejkom għal dak li hu l-aqwa fil-Liġi, jiġifieri, il-ġustizzja u l-ħniena u s-sinċerità! Dawn kien imisskom tagħmlu, bla ma tħallu l-oħrajn barra, ja mexxejja għomja, li ma tħallux nemusa tgħaddi mill-passatur, biex imbagħad tibilgħu ġemel! Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom tnaddfu t-tazza u l-platt minn barra, waqt li minn ġewwa jkunu mimlija bi frott is-serq u r-regħba! Fariżew agħma, it-tazza l-ewwel naddafha minn ġewwa, biex imbagħad tkun nadifa minn barra wkoll!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu