Il-Wieħed u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn
Qari I
Dortu lejn Alla u tlaqtu l-idoli biex taqdu
lil Ibnu, li hu qajjem mill-imwiet.
1 Tess 1, 1-5.8b-10
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin
Pawlu u Silvanu u Timotju lill-knisja ta’ Tessalonika f’Alla l-Missier u l-Mulej Ġesù Kristu: grazzja lilkom u sliem.
Aħna kull ħin niżżu
ħajr lil Alla minħabba fikom ilkoll, u niftakru fikom dejjem meta nitolbu. Niftakru
fil-ħidma li hi ġejja
mill-fidi tagħkom u fit-taħbit
li ħiereġ minn imħabbitkom; niftakru fil-qawwa tat-tama tagħkom f’Sidna
Ġesù Kristu quddiem Alla Missierna.
Aħna nafu, ħuti, li Alla jħobbkom u għażilkom. Għax l-Evanġelju tagħna lilkom ma kienx biss bil-kliem,
imma wkoll bil-qawwa, bl-Ispirtu s-Santu u b’persważjoni sħiħa;
intom tafu kif ġibna ruħna meta konna fostkom għall-ġid tagħkom.
Il-fidi li għandkom
f’Alla xterdet ma’ kullimkien b’mod li aħna ma għandna għalfejn ngħidu xejn. Huma stess jgħidu x’laqgħa kellna għandkom, u kif dortu lejn
Alla u tlaqtu l-idoli biex taqdu
lil Alla ħaj u veru u tistennew ġej mis-sema lil Ibnu, li hu
qajjem mill-imwiet, Ġesù li ħelisna
mill-korla li ġejja.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 149, 1-2.3-4.5-6a u 9b
R/. (4a): Il-Mulej jitgħaxxaq
bil-poplu tiegħu
Għannu lill-Mulej għanja ġdida:
fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu!
Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu,
u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom! R/.
Ħa jfaħħru biż-żfin
l-isem tiegħu,
bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!
Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu,
u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa. R/.
Bil-glorja jithennew ħbiebu,
u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!
It-tifħir ta’ Alla
jkun fuq fommhom,
dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu
kollha. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 10, 27
Hallelujah. R/. Hallelujah
In-nagħaġ tiegħi
jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej,
u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ħażin għalikom,
mexxejja għomja.
Mt 23, 13-22
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù beda jitkellem
u jgħid: “Ħażin għalikom intom il-kittieba
u l-Fariżej, uċuħ
b’oħra! Intom tagħlqu s-Saltna tas-Smewwiet għall-bnedmin, u la intom ma
tidħlu fiha u lanqas tħallu lil ħaddieħor
li jkun irid jidħol!
Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom taqsmu l-ibħra u dduru d-dinja kollha biex
iddawru bniedem għar-reliġjon tagħkom, u meta tiġbduh għal magħkom tagħmluh bniedem ħaqqu
l-infern darbtejn aktar minnkom!
Ħażin għalikom, mexxejja għomja! Intom tgħidu: “Jekk wieħed jaħlef bis-santwarju, il-ħalfa ma tgħoddx; imma jekk jaħlef
bid-deheb tas-santwarju, ikollu jrodd”. Boloh u għomja! X’inhu l-aqwa? Id-deheb, jew
is-santwarju li jqaddes id-deheb?
Tgħidu wkoll: “Jekk wieħed jaħlef bl-artal, il-ħalfa ma tgħoddx; imma jekk jaħlef
bl-offerta ta’ fuq l-artal, ikollu
jrodd”. Ja
għomja! X’inhu l-aqwa? L-offerta, jew l-artal li jqaddes l-offerta? Mela min jaħlef bl-artal ikun jaħlef kemm bl-artal u kemm b’li jkun
hemm fuqu; u min jaħlef bis-santwarju jkun jaħlef
kemm bis-santwarju u kemm b’min jgħammar
fih; u min jaħlef fuq is-sema jkun jaħlef
kemm bit-tron ta’ Alla u kemm b’dak
li hemm fuqu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu