23 ta’ Lulju
Santa Briġida tal-Iżvezja,
Reliġjuża u Patruna tal-Ewropa
Festa
Qari I
Gal 2:19-20
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin
Ħuti: Jien permezz tal-liġi mitt
għal-liġi biex ngħix għal Alla: issallabt ma’ Kristu.
Ngħix, imma mhux jien, iżda Kristu jgħix fija. Il-ħajja li
ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’ Alla,
li ħabbni u ta ruħu għalija.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 33: 2-11
R/. Kull ħin imbierek il-Mulej!
Kull ħin imbierek il-Mulej,
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar
ruħi,
jisimgħu l-fqajrin u
jifirħu! R/.
Kabbru l-Mulej miegħi,
u ngħollu ismu flimkien.
Jien fittixt il-Mulej, u
weġibni,
u minn kull biża’
ħelisni. R/.
Ħarsu lejh u tiddu bil-ferħ,
u wiċċkom ma jistħix.
Dan il-fqajjar sejjaħ il-Mulej, u semgħu,
u mid-dwejjaq kollha tiegħu ħelsu. R/.
L-anġlu tal-Mulej jgħammar madwar dawk li
jibżgħu minnu,
u jeħlishom.
Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej;
hieni l-bniedem li jistkenn fih. R/.
Ibżgħu mill-Mulej, intom il-qaddisin
tiegħu,
għax xejn ma jkun jonqsu min jibża’ minnu.
L-imkabbrin jiftaqru u jkunu bil-ġuħ;
min ifittex lill-Mulej ma jkun jonqsu ebda ġid. R/.
Akklamazzjoni
għall-Evanġelju
Ġw 15:9b.5b
R/. Hallelujah
Il-Mulej jgħid: Ibqgħu fl-imħabba
tiegħi;
min jibqa’ fija, dan jagħmel ħafna frott.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ġw 15:1-8
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jiena
d-dielja vera u Missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx
frott hu jneħħiha; u kull waħda li tagħmel frott inaddafha,
biex tagħmel frott aktar. Intom ġa ndaf minħabba fil-kelma li
għidtilkom. Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma
tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas
intom jekk ma tibqgħux fija.
Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija, u jiena fih, dan
jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu
tagħmlu xejn. Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal
fergħa, u jinxef; imbagħad jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u
jinħarqu. Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kulma
tridu, u dan ikun mogħti lilkom. B’dan jissebbaħ Missieri, billi
tagħmlu ħafna frott, u hekk tkunu dixxipli tiegħi”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.