It-Tnax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa
Qari I
Abram emmen fil-Mulej,
u dan għaddhulu b’ġustizzja. U l-Mulej għamel patt miegħu.
Ġen 15, 1-12.17-18
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
Wara
dawn il-ġrajja ġiet
il-kelma tal-Mulej lil Abram f’dehra u qallu:
“La tibżax, Abram! Jiena tarka għalik;
ħlasek ikun kbir ħafna”. U Abram qallu: “Sidi Mulej,
x’se tagħtini? Għax se nibqa’ bla tfal, u l-werriet
ta’ dari se jkun Eligħeżer ta’ Damasku”.
U Abram żied jgħid:
“Ara, int lili ma tajtnix nisel, u qaddej dari se jiritni”.
U ara,
waslitlu l-kelma tal-Mulej u qallu: “Ma jirtekx dan, imma wieħed
ħiereġ mill-ġewwieni
tiegħek, hu għad jirtek”. U ħarġu barra u qallu:
“Ħares sewwa lejn is-smewwiet u għodd il-kwiekeb, jekk għandek ħila tgħoddhom”. U żied jgħidlu: “Hekk għad ikun nislek”. U hu
emmen fil-Mulej, u dan għaddhulu b’ġustizzja.
U qallu: “Jiena l-Mulej li ħriġtek minn
Ur tal-Kaldin, biex nagħtik din l-art b’wirt”. U qallu Abram: “Sidi Mulej, kif inkun
naf li se niritha?”. U wieġbu: “Ħudli għoġla ta’ tliet snin, mogħża
ta’ tliet snin,
muntun ta’ tliet snin, gamiema u ħamiema”.
U ħadlu dawn kollha, u qasamhom min-nofs, u kull nofs
qiegħdu biswit
l-ieħor; imma l-għasafar ma qasamhomx. U niżlu
l-għasafar tal-priża
għal fuq l-iġsma mejtin, imma Abram gerrixhom lura. Hi
u nieżla x-xemx waqa’ fuq Abram ngħas qawwi, u waqgħu fuqu biża’
u dalma kbira. Meta x-xemx kienet niżlet
u kien dalam, kenur idaħħan
u lsien nar iżiġġ qasmu minn bejn
il-bċejjeċ tal-laħam.
Dakinhar
il-Mulej għamel patt ma’ Abram u qallu:
“Lil nislek nagħti din l-art,
mix-xmara tal-Eġittu
sax-xmara l-kbira, ix-xmara tal-Ewfrat”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 104 (105), 1-2.3-4.6-7.8-9
R/. (8a): Il-Mulej jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu
Faħħru
l-Mulej u xandru ismu,
għarrfu
lill-ġnus bl-għemejjel
tiegħu.
Għannulu
u doqqulu,
xandru
l-għeġubijiet tiegħu
kollha. R/.
Ftaħru
bl-isem qaddis tiegħu;
tifraħ
il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej.
Ħabirku
biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa tiegħu,
fittxu
’l wiċċu l-ħin
kollu. R/.
Nisel
Abraham, il-qaddej tiegħu,
ulied
Ġakobb, il-maħtur
tiegħu,
Jaħweh
hu Alla tagħna!
Mal-art kollha l-ġudizzji tiegħu! R/.
Jiftakar
għal dejjem fil-patt tiegħu,
fil-kelma li ta għal elf nisel,
fil-patt li għamel ma’ Abraham,
fil-wegħda li ħalef lil Iżakk. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 15, 4a.5b
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ibqgħu
fija, u jiena nibqa’ fikom, jgħid
il-Mulej;
min
jibqa’ fija jagħmel ħafna frott.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Mill-frott tagħhom
tagħrfuhom.
Mt 7, 15-20
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak
iż-żmien, Ġesù
qal lid-dixxipli tiegħu: “Iftħu
għajnejkom mill-profeti foloz; għax dawn jiġu għandkom libsin ta’ nagħaġ, u minn
ġewwa jkunu lpup ħattafa! Mill-frott tagħhom tagħrfuhom. Jaqaw
jiġbru għeneb
mix-xewk, jew
tin mill-għollieq? Hekk
kull
siġra
tajba frott tajjeb tagħmel, imma s-siġra l-ħażina frott ħażin tagħmel.
Siġra tajba ma tistax tagħmel frott ħażin, anqas siġra ħażina
ma tagħmel frott tajjeb. Kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb
titqaċċat u tinxteħet
fin-nar. Għalhekk
mill-frott tagħhom tagħrfuhom”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu