Għid il-Ħamsin
Solennità - Quddiesa tal-Vġili
Qari I
Issejħet Babel, għax
hemmhekk il-Mulej ħawwad ilsien l-art kollha.
Ġen 11, 1-9
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
L-art kollha kienet ilsien wieħed u kliem wieħed. Meta
l-bnedmin telqu mil-Lvant sabu wita f’art Singħar u
baqgħu hemm. U qalu wieħed lill-ieħor: “Ejjew
nagħmlu l-madum u naħmuh sewwa!”. U l-madum kienu
jużawh flok il-ġebel, u l-qatran flok it-tajn. U
reġgħu qalu: “Ejjew nibnu belt għalina, u torri,
bil-quċċata tiegħu tilħaq is-smewwiet, u nagħmlu
isem għalina, ħalli ma nixterdux mal-wiċċ kollu
tal-art”.
U l-Mulej niżel jara l-belt u t-torri li kienu qegħdin jibnu l-bnedmin. U l-Mulej qal: “Arahom, poplu
wieħed u lsien wieħed għalihom ilkoll. U dan
għadu l-bidu ta’ xogħolhom; issa kulma jiġihom f’rashom xejn ma jaqtgħalhom qalbhom! Ejja, ħa
ninżlu u nħabblulhom ilsienhom, ħalli ma jifhmux
ilsien xulxin”.
U l-Mulej xerridhom minn hemm għal fuq
wiċċ l-art kollha, u waqfu mill-bini tal-belt. Għalhekk
bdew isejħulha Babel, għax hemm ħawwad
il-Mulej ilsien l-art, u minn hemm xerridhom il-Mulej mal-wiċċ kollu tal-art.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 32 (33), 10-11.12-13.14-15
R/. (12): Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu
Il-Mulej ixejjen il-fehmiet tal-ġnus,
ifixkel il-ħsibijiet tal-popli.
Imma l-fehma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem,
minn żmien għal żmien il-ħsibijiet ta’ moħħu.
R/.
Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,
il-poplu li hu għażel b’wirt tiegħu.
Mill-għoli tas-smewwiet iħares il-Mulej,
u jara l-bnedmin
kollha. R/.
Mill-post fejn jgħammar
jistħarreġ fuq dawk kollha li jgħixu fuq l-art.
Hu jsawwar il-qalb ta’ kull wieħed,
u jagħraf
għemilhom kollu. R/.
Jew
Qari I
Il-Mulej jinżel fuq il-muntanja
Sinaj quddiem il-poplu.
Eż 19, 3-8a.16-20b
Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
F’dak iż-żmien, Mosè tala’ ħdejn Alla, u l-Mulej
sejjaħlu mill-muntanja u qallu: “Dan għid lil dar
Ġakobb u għarraf lil ulied Iżrael: “Rajtu intom
x’għamilt lill-Eġizzjani, u kif lilkom ġarrejtkom fuq il-ġwienaħ tal-ajkli u ressaqtkom lejja. Issa, jekk
tisimgħu leħni u żżommu l-patt tiegħi, intom tkunu
l-wirt tiegħi minn fost il-popli kollha, għax l-art kollha tiegħi. Intom tkunu għalija
saltna ta’ qassisin u ġens qaddis”. Dan hu l-kliem li
tgħid lil ulied Iżrael”.
Imbagħad Mosè mar isejjaħ lix-xjuħ tal-poplu, u
qegħdilhom quddiemhom dan il-kliem kollu li ordnalu l-Mulej. U
l-poplu kollu wieġeb b’leħen wieħed u qalu: “Kulma
qal il-Mulej aħna nagħmluh”.
Fit-tielet jum mas-sebħ kien hemm ragħad u beraq, u sħab
oħxon għatta l-muntanja. Instama’ wkoll
iż-żarżir qawwi tat-tromba, u triegħed
il-poplu kollu fil-kamp. Mosè ħareġ il-poplu mill-kamp biex jiltaqgħu ma’ Alla; u waqfu f’riġlejn il-muntanja. Il-muntanja tas-Sinaj bdiet iddaħħan kollha kemm hi, għax
niżel fuqha l-Mulej fin-nar. Id-duħħan beda
tiela’ ’l fuq bħad-duħħan ta’ forn, u
l-muntanja kienet titheżżeż kollha. Kulma jmur id-daqq tat-tromba kien dejjem jitqawwa. Imbagħad tkellem Mosè, u Alla wieġbu b’ragħda. U niżel il-Mulej fuq
il-quċċata tal-muntanja tas-Sinaj, u l-Mulej sejjaħ
lil Mosè biex jitla’ fuq il-quċċata tal-muntanja.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 102 (103), 1-2.3-4.6-7.17-18
R/. (17): It-tjieba tal-Mulej ma’ dawk li għandhom il-biża’
tiegħu
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
u la tinsiex
il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.
Hu li jaħfer dnubietek kollha;
ifejjaq il-mard tiegħek kollu;
jifdi lil ħajtek mill-qabar;
iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena. R/.
Il-Mulej jagħmel is-sewwa,
u l-ħaqq
mal-maħqurin kollha.
Hu għarraf lil Mosè l-ħsieb tiegħu,
l-għemejjel tiegħu lil ulied Iżrael. R/.
Imma t-tjieba tal-Mulej minn dejjem għal
dejjem
ma’ dawk li
għandhom il-biża’ tiegħu,
u s-sewwa
tiegħu ma’ wlied uliedhom;
ma’ dawk li
jħarsu l-patt tiegħu,
u jiftakru
fil-preċetti tiegħu u jħarsuhom. R/.
Jew
Qari I
Għadam niexef, jien se nġib
fik ir-ruħ, u inti terġa’ tgħix.
Eżek 37, 1-14
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel
F’dak iż-żmien, 1ġiet fuqi id il-Mulej u ħaditni
fl-ispirtu tal-Mulej u qegħditni f’nofs il-wied. Dan kien
miżgħud bl-għadam. Huwa għaddieni dawramejt
madwarhom, u kien hemm kotra kbira mxerrda mal-wied, u
kienu kollha niexfa qoxqox.
U l-Mulej qalli: “O bniedem, jista’ dan l-għadam jerġa’
jieħu l-ħajja?”. Jiena weġibt: “Sidi Mulej, dan inti tafu”. U
qalli: “Ħabbar lil dan l-għadam u għidlu: “O
għadam niexef, isma’ l-kelma tal-Mulej. Hekk qal Sidi
l-Mulej: Ara, jien se nġib fik ir-ruħ, inti terġa’ tgħix. U nqiegħed fik
in-nervi, u ntellagħlek il-laħam, u niksik bil-ġilda, u
nqiegħed fik ir-ruħ. U inti terġa’ tgħix, u tkun
taf li jiena l-Mulej”.
Imbagħad ħabbart kif ordnali. U jiena u nħabbar
instama’ ħoss, u ara, l-għadam tqanqal, u kollha bdew resqin lejn xulxin, għadma lejn għadma.
Jien ħarist, u ara,
ġew fihom in-nervi, telgħalhom il-laħam, fuqhom infirxet il-ġilda, imma nifs ma kienx hemm fihom. U qalli:
“Ħabbar lir-ruħ, ħabbar, o bniedem, u għid lir-ruħ:
“Hekk qal Sidi l-Mulej: Ejja, ruħ, mill-erbat
irjieħ tad-dinja, onfoħ fuq dawn il-mejtin,
ħa jerġgħu jieħdu l-ħajja”.
Jien ħabbart kif ordnali, u r-ruħ daħlet
fihom, u reġgħu ħadu l-ħajja, u waqfu fuq riġlejhom,
eżerċtu kbir fuq li kbir. U qalli: “O
bniedem, dan l-għadam huwa d-dar kollha ta’ Iżrael. Ara, huma jgħidu: “Nixef għadamna, it-tama tagħna għabet,
inqridna għal kollox”. Għalhekk ħabbrilhom u
għidilhom: “Hekk qal Sidi l-Mulej: Ara, jiena
niftaħ l-oqbra tagħkom, poplu tiegħi, u nġibkom lura f’art Iżrael.
Imbagħad tkunu tafu li jiena l-Mulej, meta
niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra
tagħkom, poplu tiegħi. U jiena nqiegħed ruħi fikom, u terġgħu tieħdu l-ħajja. Inqegħedkom
f’artkom u tkunu tafu li jiena l-Mulej. Hekk għedt, u hekk
nagħmel”.“ Oraklu tal-Mulej.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 50 (51), 3-4.8-9.12-13.14.17
R/. (12): Oħloq fija qalb safja, o Alla
Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;
fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.
Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;
naddafni mid-dnub tiegħi. R/.
Int li tħobb il-qalb sinċiera,
għallimni l-għerf fil-fond ta’ qalbi.
Roxxni bl-ilma, u nissaffa;
aħsilni, u aktar mis-silġ nibjad. R/.
Oħloq fija qalb safja, o Alla,
u spirtu qawwi
ġedded fija.
La twarrabnix minn quddiemek;
tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. R/.
Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,
u bi spirtu
qalbieni wettaqni.
Lill-midinbin ngħallem triqatek,
u l-ħatjin
lejk jerġgħu lura. R/.
Jew
Qari I
Insawwab l-Ispirtu tiegħi fuq
il-qaddejja kollha tiegħi.
Ġoel 3, 1-5
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġoel
Dan jgħid il-Mulej:
“Jiena nsawwab l-Ispirtu
tiegħi fuq il-ħlejjaq kollha.
Uliedkom iħabbru, subien u bniet,
ix-xjuħ tagħkom ikollhom ħolm,
iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet.
U mqar fuq il-qaddejja, irġiel u nisa,
insawwab l-ispirtu tiegħi f’dawk il-jiem.
Fis-sema u fl-art nuri sinjali,
demm u nar u kolonni ta’ duħħan!
Ix-xemx tinbidel fi dlam,
u l-qamar
f’demm,
qabel ma jasal Jum il-Mulej,
kbir u tal-biża’!
U kull min isejjaħ isem il-Mulej jinħeles,
għax fuq il-muntanja Sijon ikun hemm is-salvazzjoni,
kif qal il-Mulej,
u
f’Ġerusalemm jibqgħu xi wħud li l-Mulej isejjaħ”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 103 (104), 1-2a.24.35ċ.27-28.29bċ-30
R/. (30): Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded
il-wiċċ tal-art
jew
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
Mulej, Alla tiegħi, int kbir bil-bosta!
Bis-sebħ u bil-ġmiel inti mlibbes,
bid-dawl, bħal b’mantell, inti mkebbeb. R/.
Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!
Kollha bl-għerf int għamilthom;
mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej! R/.
Minnek jistennew il-ħlejjaq kollha
li tagħtihom
ikilhom f’waqtu.
Inti tagħtihom, u huma jiġbru;
tiftaħ idejk, u jixbgħu bil-ġid. R/.
Jekk teħdilhom nifishom, imutu,
u lejn it-trab
jerġgħu jmorru.
Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,
u inti
ġġedded il-wiċċ tal-art. R/.
Qari II
L-Ispirtu jidħol għalina
bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser
bil-kliem.
Rum 8, 22-27
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa
jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas;
u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied, il-fidwa ta’ ġisimna. Aħna salvi
bit-tama. Meta wieħed jara l-ħwejjeġ li jkun ittama,
ma tkunx aktar tama; għax kif jista’ wieħed jittama
l-ħwejjeġ li ġa jkun ra? Imma dak li qegħdin nittamaw, jekk m’aħniex narawh, qed nistennewh bis-sabar.
Hekk ukoll l-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas
ta’ ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu
nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina
bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem; u
Alla, li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub, jaf x’inhi x-xewqa tal-Ispirtu; bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skont
ma jrid Alla.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ejja, Spirtu s-Santu, imla l-qlub tal-fidili tiegħek
u kebbes fihom
in-nar ta’ mħabbtek.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Minnu joħorġu xmajjar ta’
ilma ħaj.
Ġw 7, 37-39
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Fl-aħħar jum tal-festa, il-jum l-aktar solenni, Ġesù qam
jgħid b’leħen għoli: “Min jieħdu l-għatx,
jiġi għandi u jixrob. Kif tgħid l-Iskrittura,
min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj”. Dan qalu għall-Ispirtu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih,
għax l-Ispirtu kien għad ma ngħatalhomx, billi
Ġesù kien għadu ma ġiex igglorifikat.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Għid il-Ħamsin
Solennità - Quddiesa tal-Jum
Qari I
Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu.
Atti 2, 1-11
Qari
mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien
f’post wieħed.
F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.
F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn
kull nazzjon li hawn
taħt is-sema. Malli nstama’ dan il-ħoss, inġabret kotra kbira, ilkoll imħawdin għax kull wieħed minnhom kien
jismagħhom jitkellmu
bl-ilsien tiegħu. Miblugħin u mistagħġbin, bdew
jgħidu: “Dawn li
qegħdin jitkellmu mhumiex ilkoll mill-Galilija? Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi
lsien art twelidu?
Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja,
mill-Friġja, mill-Pamfilja,
mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm prosèliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru
bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet
ta’ Alla!”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/.
Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 103 (104), 1ab.24aċ.29bċ-30.31.34
R/. (30): Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded
il-wiċċ tal-art
jew
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Bierek ruħ tiegħi, lill-Mulej!
Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!
Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!
Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek. R/.
Jekk teħdilhom nifishom, imutu,
u lejn it-trab jerġgħu jmorru.
Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,
u inti ġġedded il-wiċċ
tal-art. R/.
Jibqa’ sebħ il-Mulej għal dejjem!
Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!
Ħa togħġbu l-għanja tiegħi,
għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi. R/.
Qari II
Il-frott tal-Ispirtu.
Gal 5, 16-25
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin
Ħuti,
jien ngħidilkom, imxu fl-Ispirtu u taqgħux għall-passjonijiet tal-ġisem.
Il-passjonijiet tal-ġisem huma kontra l-Ispirtu, u l-Ispirtu hu
kontra l-ġisem; dawn it-tnejn huma kontra xulxin, biex ma jħallukomx
tagħmlu dak li tixtiequ.
Jekk
lilkom imexxikom l-Ispirtu, m’intomx taħt il-liġi. L-għemejjel tal-ġisem
huma magħrufa: żína,
faħx, nuqqas ta’ rażan,
idolatrija, seħer,
mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja,
sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn. Inwissikom, bħalma wissejtkom
qabel, min jagħmel dawn il-ħwejjeġ ma jiritx is-saltna ta’ Alla.
Il-frott tal-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena,
it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan.
Kontra dawn ma hemmx
liġi.
Dawk
li huma ta’ Kristu Ġesù sallbu l-ġisem bil-ġibdiet u l-passjonijiet
tiegħu. Jekk ngħixu bl-Ispirtu, ħalli nimxu bl-Ispirtu.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/.
Irroddu ħajr lil Alla
Sekwenza
Spirtu s-Santu, ejja fina,
raġġ ta’ dawl qaddis agħtina,
xerrdu f’ruħna mis-smewwiet.
O Missier il-foqra tiegħek,
inti ġġib id-doni miegħek,
tagħni b’dawlek qalb l-ulied.
Inti l-aqwa faraġ tagħna,
fik kull hena xħin tkun magħna,
tħossok fewġa ħelwa r-ruħ.
Fl-għaja, lejn is-serħ twassalna;
jekk imħeġġa wisq,
trażżanna;
mill-għajnejn tixxotta d-dmugħ.
O dawl hieni ta’ qdusija,
nitolbuk li bik mimlija
tkun il-qalb ta’ kull fidil.
Mingħajr dawlek li jmexxina
ebda ħajr ma jkun hemm fina,
ebda safa fl-għemil.
Naddaf kull fejn hemm it-tbajja’,
fejn hemm nixfa reġġa’ l-ħajja,
lill-miġruħ agħtih fejqan.
Rattab fina l-ebusija,
agħti lill-berdin bżulija,
għin fit-triq lil min beżgħan.
Agħti s-seba’ doni tiegħek
lil min jimxi fidil miegħek
u li fik jistrieħ kull ħin.
Agħti ’l kull virtù sabiħa
ħlas ta’ salvazzjoni sħiħa,
agħti l-ġenna lit-tajbin.
Ammen. Hallelujah.
Veni, Sancte Spiritus,
et emitte caelitus
lucis tuae radium.
Veni, pater pauperum,
veni, dator munerum
veni, lumen cordium.
Consolator optime,
dulcis hospes animae,
dulce refrigerium.
In labore requies,
in aestu temperies
in fletu solacium.
O lux beatissima,
reple cordis intima
tuorum fidelium.
Sine tuo numine,
nihil est in homine,
nihil est innoxium.
Lava quod est sordidum,
riga quod est aridum,
sana quod est saucium.
Flecte quod est rigidum,
fove quod est frigidum,
rege quod est devium.
Da tuis fidelibus,
in te confidentibus,
sacrum septenarium.
Da virtutis meritum,
da salutis exitum,
da perenne gaudium,
Amen. Alleluia.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ejja, Spirtu s-Santu,
imla l-qlub tal-fidili tiegħek
u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.
R/. Hallelujah
Evanġelju
L-Ispirtu tal-verità, iwassalkom
għall-verità kollha.
Ġw 15, 26-27; 16, 12-15
Qari
mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak
iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta jiġi
d-Difensur, li se nibagħtilkom
mingħand il-Missier, l-Ispirtu tal-verità, li ġej mill-Missier,
huwa jixhed għalija. U intom ukoll tixhdu, għax intom kontu
miegħi sa mill-bidu.
Baqagħli
ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma
tifilħux għalihom. Meta
jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha;
għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’,
u jħabbrilkom il-ġejjieni. Hu jagħtini glorja, għaliex
jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.
Dak kollu li għandu l-Missier huwa
tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u
jħabbru lilkom”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu