It-Tielet Ġimgħa tar-Randan

L-Erbgħa

 

Qari I

Ħarsu l-liġijiet u agħmluhom.

Dewt 4, 1.5-9

 

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

 

Mosè kellem lill-poplu u qal: U issa, Iżrael, agħti widen għal-liġijiet u l-ordnijiet li qiegħed ngħallimkom tagħmlu, ħalli tgħixu, u tidħlu tieħdu l-art li se jagħtikom il-Mulej, Alla ta’ missirijietkom. Araw, jien għallimtkom liġijiet u ordnijiet kif ikkmandani l-Mulej, Alla tiegħi, biex tagħmluhom sewwa fil-pajjiż li fih se tidħlu biex ikun tagħkom. Ħarsuhom u agħmluhom, għax hekk tidhru għorrief u għaqlin f’għajnejn il-ġnus li, kif jisimgħu b’dawn il-liġijiet kollha, jgħidu: “M’hemmx poplu ieħor għaref u għaqli għajr dan il-ġens kbir”. Għax liema ġens hu hekk kbir li għandu l-allat hekk qrib tiegħu daqs kemm hu qrib tagħna l-Mulej, Alla tagħna, kull xħin insejħulu? Jew liema ġens hu hekk kbir li għandu liġijiet u ordnijiet hekk sewwa daqs dak kollu li fiha din il-liġi li qiegħed noffrilkom illum jien?

 

Biss iftaħ għajnejk, u oqgħod attent ħafna għalik innifsek, li ma tmurx tinsa l-ħwejjeġ li rajt b’għajnejk; tħallihomx iwarrbu minn qalbek tul il-jiem kollha ta’ ħajtek, imma għallimhom lil uliedek u ’l ulied uliedek”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 147, 12-13.15-16.19-20

 

R/. (12a): Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej

 

Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej;

faħħar ’l Alla tiegħek, Sijon!

Hu jsaħħaħ l-istaneg ta’ bwiebek,

u jbierek ġewwa fik ’l uliedek. R/.

 

Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu;

bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu.

Jibgħat is-silġ bħas-suf;

ixerred bħar-rmied il-ġlata. R/.

 

Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb,

il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.

Ma għamel hekk ma’ ebda poplu;

lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Ġw 6, 63ċ.68ċ

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja;

inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Min iħares u jgħallem il-kmandamenti, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet.

Mt 5, 17-19

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-milja tagħhom. Tassew ngħidilkom, li sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox. Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar minn dawn il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet. Imma min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu