Il-Ħames
Ġimgħa tar-Randan
It-Tlieta
Qari I
Alla tagħna ġej biex isalvana.
Num 21, 4-9
Qari mill-Ktieb tan-Numri
F’dak iż-żmien, l-Iżraelin
telqu minn ħdejn il-muntanja Hor mat-triq tal-Baħar tal-Qasab biex jeħduha bid-dawra mal-art
ta’ Edom. Imma l-poplu
ddejjaq jimxi, u beda jgerger kontra
Alla u kontra Mosè: “Għala tellajtuna
mill-Eġittu biex immutu fid-deżert? M’hawnx ħobż u lanqas
ilma; aħna xbajna b’dan l-ikel ħafif”.
U l-Mulej bagħat sriep velenużi f’nofs il-poplu u bdew jigdmuhom; u mietu ħafna
mill-poplu ta’ Iżrael.
U l-poplu mar għand Mosè, u qalulu:
“Dnibna għax tkellimna kontra l-Mulej u kontra tiegħek. Itlob lill-Mulej ħa jwarrab is-sriep minn fostna”.
U Mosè mar jitlob għall-poplu. U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu:
“Agħmel serp tal-bronż, u arbulah bħal
stendard; u kull min jingidem u jħares lejh ifiq
u jgħix”.
U Mosè għamel serp tal-bronż, u arbulah bħal stendard. U ġara li kull
min kien jigdmu s-serp kien iħares
lejn is-serp tal-bronż, u kien ifiq u jgħix.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 101 (102, 2-3.16-18.19-21
R/. (2): Mulej,
isma’ t-talba tiegħi
Mulej, isma’ t-talba tiegħi,
ħa tasal għandek
l-għajta tiegħi.
Taħbix wiċċek minni
f’jum id-dwejjaq tiegħi;
ressaq widintek lejja,
meta nsejjaħlek
fittex weġibni! R/.
Ħa jkollhom il-ġnus
il-biża’ ta’ ismek, Mulej,
u s-slaten kollha tal-art il-biża’ tas-sebħ tiegħek,
meta l-Mulej jerġa’ jibni lil Sijon,
u jidher fis-sebħ tiegħu.
Hu jisma’ t-talb tal-mitluqin,
ma jistmellx
it-talb tagħhom. R/.
Jinkiteb dan għan-nisel
li għad jiġi,
u poplu ġdid għad ifaħħar lill-Mulej.
“Il-Mulej iħares ’l isfel mill-għoli tas-santwarju tiegħu,
u jittawwal mis-sema lejn l-art,
biex jisma’ l-krib tal-ilsiera,
biex jeħles ’il dawk li huma għall-mewt”.
R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Glorja u tifħir lilek,
Kristu!
Iż-żerriegħa hi l-kelma ta’ Alla,
il-bidwi hu Kristu:
min isib lilu jkollu l-ħajja
ta’ dejjem.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Meta terfgħu ’l fuq
lil Bin il-bniedem, imbagħad tagħrfu li jiena hu.
Ġw 8, 21-30
Qari mill-Evanġelju skont
San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù
qal lill-Fariżej: “Jiena mmur, u intom għad tfittxuni, imma għad tmutu fid-dnub tagħkom. Fejn sejjer jien intom ma tistgħux
tiġu”. Qalu l-Lhud: “Jaqaw se jneħħi ħajtu b’idejh dan? Għax qal: “Fejn sejjer jien intom
ma tistgħux tiġu”.
Ġesù qalilhom: “Intom minn hawn isfel,
u jiena ġej minn hemm fuq. Intom nies ta’ din id-dinja,
imma jien m’iniex ta’ din id-dinja. Kif għedtilkom jien,
intom tmutu fi dnubietkom. Għax jekk intom ma temmnux
li jiena hu, tmutu fi dnubietkom”. “U int
min int?”. staqsewh. Weġibhom Ġesù: “Dak li ili ngħidilkom sa mill-bidu. Għandi
ħafna xi ngħid fuqkom u x’nikkundanna fikom; iżda dak li bagħatni, jgħid il-verità, u jiena ngħid lid-dinja dak li smajt mingħandu”.
Huma ma ntebħux li kien
qiegħed ikellimhom fuq il-Missier. Għalhekk Ġesù qalilhom:
“Meta terfgħu ’l fuq lil Bin il-bniedem, imbagħad tagħrfu li jiena
hu u li minn rajja ma nagħmel xejn, imma li nitkellem
skont ma għallimni l-Missier. U min bagħatni huwa miegħi, ma telaqnix waħdi,
għax jiena dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu”. Meta tkellem hekk,
kienu ħafna dawk li emmnu fih.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir
lilek Kristu