Il-Ħamsa
u Għoxrin Ġimgħa
taż-Żmien ta’ Matul
is-Sena
L-Erbgħa
Qari I
Alla tagħna ma nsiniex fl-eżilju tagħna.
Esd 9, 5-9
Qari
mill-Ktieb ta’ Esdra
Xħin
kienu qed joffru s-sagrifiċċju
ta’ filgħaxija, jien, Esdra, qomt mill-għajb tiegħi, u bi ħwejġi u l-mantar tiegħi mċarrtin inżilt għarkupptejja, u
ftaħt idejja lejn il-Mulej, Alla tiegħi, u għedt: “Alla tiegħi, jien inħossni nistħi, u wiċċi ma jagħtinix
li nerfa’ ħarsti lejk, Alla tiegħi.
Għax dnubietna tant kotru li ninsabu
mgħaddsin sa
rasna fihom, u ħtijietna għolew m’ogħla s-smewwiet. Minn żmien missirijietna sal-lum waqajna fi ħtijiet kbar u minħabba fi dnubietna, aħna, is-slaten tagħna, u l-qassisin tagħna, ġejna mogħtija f’idejn slaten barranin. Dawn darbuna bix-xabla, ħaduna fl-eżilju, ħadulna ġidna, u ġejna fl-għajb li qegħdin fih illum.
Imma
issa, il-Mulej, Alla tagħna, tana grazzja għal
ftit taż-żmien, billi ħallielna fdal u tana fuqiex
nafdaw, jiġifieri dan il-post qaddis.
B’hekk Alla tagħna ried iferraħna u jgħajjixna għal ftit fl-eżilju tagħna. Għax aħna lsiera; imma Alla
tagħna ma nsiniex fl-eżilju tagħna, għax wera l-ħniena tiegħu magħna quddiem is-slaten tal-Persja, meta tana mill-ġdid
il-ħajja ħa nerġgħu ntellgħu
t-tempju ta’ Alla tagħna, u nerġgħu nibnuh mill-ħerba tiegħu u b’hekk ikollna kenn f’Ġuda
u Ġerusalemm”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Tob 13, 2.3-4a.4bċd.5.8
R/. (2a): Imbierek Alla, li jgħix għal dejjem
Imbierek
Alla, li jgħix għal dejjem,
u s-saltna tiegħu!
Jikkastiga
u jħenn.
iwasslek
sal-qabar f’qiegħ
l-art,
u mbagħad jerfgħek mill-akbar qerda. R/.
Faħħruh,
ulied Iżrael, quddiem il-ġnus!
Hu xerridkom f’nofshom.
U hemm uriekom il-kobor tiegħu. R/.
Għolluh
quddiem il-ħajjin kollha.
Hu Sidna, u Alla tagħna!
Hu Missierna, u Alla tagħna,
għal
dejjem ta’ dejjem. R/.
Minħabba
dnubietkom jikkastigakom,
imma
jħenn għalikom ilkoll;
u għad jiġborkom minn fost il-ġnus
kollha,
li f’nofshom tinsabu mxerrda. R/.
Infaħħru
jien f’art l-eżilju tiegħi,
u nuri l-qawwa u l-kobor tiegħu lill-ġens midneb.
Erġgħu
lura għal għandu, midinbin,
u għamlu l-ġustizzja quddiemu. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mk 1, 15
Hallelujah. R/. Hallelujah
Is-Saltna ta’ Alla waslet;
indmu
u emmnu fl-Evanġelju.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Bagħathom ixandru s-Saltna ta’ Alla u jfejqu l-morda.
Lq 9, 1-6
Qari
mill-Evanġelju skont
San Luqa
F’dak
iż-żmien, Ġesù
sejjaħ lit-Tnax madwaru u tahom qawwa u setgħa fuq ix-xjaten kollha
u li jfejqu l-mard. U bagħathom
ixandru s-Saltna ta’ Alla u jfejqu l-morda. U qalilhom: “Tieħdu xejn magħkom għat-triq, la ħatar, la ħorġa,
la ħobż u lanqas
flus, u lanqas ma jkollkom żewġ ilbiesi. Jekk tidħlu f’xi dar, ibqgħu
hemm sa
ma tiġu biex titilqu. Jekk ma jilqgħukomx, oħorġu
minn dik il-belt u farfru sa t-trab tagħha
minn ma’ riġlejkom bħala xhieda kontrihom”.
Ħarġu,
mela, u bdew iduru l-irħula jxandru l-Evanġelju u jfejqu l-morda kullimkien.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu