It-Tnax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta
Qari I
Ma għandux ikun
hemm ġlied bejni u bejnek, għax aħna aħwa.
Ġen 13, 2.5-18
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
U Abram stagħna ħafna b’imrieħel, fidda u deheb. U Lot ukoll, li
kien
ġie ma’ Abram, kellu mrieħel, baqar u għerejjex. U l-art ma kinitx
tiflaħ għalihom
li jgħammru flimkien, għax ġidhom kien kbir u ma setgħux
jgħammru flimkien. U kien hemm tilwima
bejn
ir-rgħajja
tal-imrieħel ta’ Abram u bejn
ir-rgħajja tal-imrieħel
ta’ Lot. U l-Kangħanin u l-Periżżin
kienu għadhom jgħammru l-art. U Abram qal lil Lot: “Ma għandux ikun hemm ġlied
bejni u bejnek, u bejn
ir-rgħajja tiegħi
u r-rgħajja tiegħek,
għax aħna aħwa. Mhix l-art kollha
quddiemek? Tbiegħed minni, nitolbok. Jekk tiġbed lejn ix-xellug, jien immur
lejn il-lemin, u jekk tiġbed lejn il-lemin, jien immur lejn ix-xellug”.
U Lot rafa’ għajnejh, u ra li l-inħawi kollha madwar il-Ġordan kien kollu raba’ saqwi – qabel
ma l-Mulej qered lil Sodoma u ’l Gomorra – bħall-ġnien
tal-Mulej u bħall-art tal-Eġittu
sa ħdejn
Sogħar. U Lot għażel
l-inħawi kollha madwar il-Ġordan u telaq lejn il-Lvant;
u hekk tbiegħdu
minn xulxin.
Abram baqa’ jgħammar fl-art ta’ Kangħan u Lot beda jgħammar fl-ibliet tal-wied u waqqaf l-għerejjex sa Sodoma. Imma
n-nies ta’ Sodoma kienu ħżiena u midinba ħafna quddiem
il-Mulej.
U l-Mulej kellem lil Abram wara li Lot kien tbiegħed minnu: “Arfa’ għajnejk u ħares mill-post fejn int qiegħed, lejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar,
lejn il-Lvant u l-Punent; l-art kollha li qiegħed tara, lilek
nagħtiha u lil nislek għal dejjem. U nagħmel lil nislek bħat-trab tal-art.
Jekk xi ħadd jista’ jgħodd it-trab tal-art, lil
nislek ukoll ikun jista’ jgħodd. Qum u aqsam l-art minn tulha u mill-wisa’ tagħha, għax
lilek se nagħtiha”. U rafa’ Abram l-għarix u mar jgħammar ħdejn
il-balluta ta’ Mamri, li hemm f’Ħebron.
U bena hemm artal lill-Mulej.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 14 (15), 2-3ab. 3ċd-4ab. 5
R/. (1b): Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek?
Min jgħix bla ħtija
u
jagħmel it-tajjeb,
min
jgħid is-sewwa f’qalbu;
min
ma jqassasx bi lsienu. R/.
Min ma jagħmilx deni lil ġaru,
u
ma jgħajjarx lil għajru;
min
ma jistmax lill-bniedem ħażin,
imma
jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej. R/.
Min jislef u ma jitlobx imgħax,
u
ma jixxaħħamx kontra
min hu bla ħtija.
Min jagħmel dan
qatt
ma jitħarrek. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 8, 12
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena
d-dawl tad-dinja, jgħid il-Mulej;
min
jiġi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom.
Mt 7, 6.12-14
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak
iż-żmien, Ġesù
qal lid-dixxipli tiegħu: “Tagħtux
lill-klieb dak li hu
qaddis, u tixħtux il-ġawhar tagħkom quddiem il-ħnieżer li
ma jmorrux
jgħaffġuhom b’saqajhom
u mbagħad iduru għalikom u jqattgħukom
bi snienhom.
Mela
dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom
lilhom; għax din hi l-Liġi u l-Profeti. Għaddu
mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesa’ l-bieb u spazjuża t-triq li
tieħu
għat-telfien, u ħafna
huma li jgħaddu minnha. Imma kemm huwa
dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja,
u ftit huma li jsibuha!”
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu