22 ta’ Ġunju

Is-Sejħa tal-Madonna Ta’ Pinu

Festa

 

 

Kolletta

 

O Alla ħanin, ieqaf magħna, bnedmin dgħajfa,

biex aħna u nagħmlu l-festa

tal-Omm Qaddisa ta’ Alla Mtellgħa s-Sema,

meqjuma f’dan is-Santwarju Ta’ Pinu,

bl-għajnuna tat-talb tagħha

nintrefgħu minn ħżunitna

u ngħixu ħajja qaddisa.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla

u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu

għal dejjem ta’ dejjem.

Amen.

 

Talba fuq l-Offerti

 

Ferħanin bil-festa ta’ Omm Ibnek,

noffrulek, Mulej, is-sagrifiċċju ta’ tifħir,

biex, b’din il-qima qaddisa u l-grazzja tiegħek,

niksbu dejjem iżjed il-frott tal-fidwa tagħna.

Bi Kristu Sidna.

Amen.

 

 

Talba wara t-Tqarbin

 

Tqarbinna, Mulej, bis-sagramenti tas-sema

aħna u niċċelebraw il-festa

tal-Verġni Mqaddsa Marija Ta’ Pinu;

agħmel, fil-ħniena tiegħek,

li aħna nimxu fuq il-passi tagħha

u naqdu l-misteru tal-fidwa kif jixraq.

Bi Kristu Sidna.

Amen.

 


 

Qari I

Żak 2:14-17

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Żakkarija.

 

Għajjat bil-ferħ u infexx fl-hena, bint Sijon.

Għaliex arani ġej

biex ngħammar f’nofsok,

oraklu tal-Mulej,

u kotra kbira ta’ ġnus

jingħaqdu dakinhar mal-Mulej;

u huma jkunu l-poplu tiegħi.

U jiena ngħammar f’nofsok;

imbagħad inti tagħraf

li l-Mulej tal-eżerċti bagħatni għandek.

U l-Mulej jieħu ’l Ġuda

bħala sehmu mill-wirt fl-Art Imqaddsa,

u jerġa’ jaħtar lil Ġerusalemm!

Żommu s-skiet quddiem il-Mulej,

intom il-ħajjin ilkoll,

għax stenbaħ mill-għamara mqaddsa tiegħu!

 

Il-Kelma tal-Mulej.

℟. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

 

℟. Is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar.

 

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, 

u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi.

Għax hu xeħet għajnejh

fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. ℟.

 

Iva, minn issa ’l quddiem

kull nisel isejjaħli hienja.

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;

qaddis hu l-isem tiegħu. ℟.

 

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien

fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,

xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. ℟.

 

Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,

u għolla ċ-ċkejknin.

Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,

u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn. ℟.

 

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu,

għax ftakar fil-ħniena tiegħu,

bħalma wiegħed lil missirijietna,

b’riżq Abraham u nislu għal dejjem. ℟.

 

Qari II

Atti 1:12-14; 2:1-4

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.

 

Wara li Ġesù tela’ s-sema, l-Appostli reġgħu lura lejn Ġerusalemm mill-għolja msejħa taż-Żebbuġ, li hi ’l bogħod mill-belt daqs il-mixja tas-Sibt, jiġifieri xi nofs mil. Xħin daħlu l-belt, telgħu fil-kamra ta’ fuq tad-dar fejn kienu joqogħdu. Huma kienu: Pietru u Ġwanni, Ġakbu u Indrì, Filippu u Tumas, Bartilmew u Mattew, Ġakbu bin Alfew, u Xmun jgħidulu l-Imħeġġeġ, u Ġuda bin Ġakbu. U lkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien ma’ xi nisa u ma’ Marija omm Ġesù, u ma’ qrabatu.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

℟. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

 

Hallelujah. ℟. Hallelujah.

Hienja int, Verġni Marija, li emmint

li jseħħ kulma bagħat jgħidlek il-Mulej.

℟. Hallelujah.

 

Evanġelju

Ġw 2:1-11

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann.

 

F’dak iż-żmien, sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu. Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid”. U Ġesù qalilha: “X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”. Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”.

 

Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tasa’ xi mitt jew mija u għoxrin litru. Ġesù qal lill-qaddejja: “Imlew il-ġarar bl-ilma”. U dawk imlewhom sax-xifer. Imbagħad qalilhom: “Issa ħudu minnu u newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda”. U huma marru jagħtuhulu. Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus u qallu: “Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom, iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa”.

 

Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

℟. Tifħir lilek, Kristu.