Is-Sitt Ġimgħa tal-Għid

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Poplu kbir hawn għalija f’din il-belt.

Atti 18, 9-18

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

Meta Pawlu kien f’Korintu, billejl deherlhu l-Mulej u qallu: “La tibżax, imma tkellem u tiskotx, 10għax jiena miegħek, u ħadd ma hu se jmidd idu fuqek biex jagħmillek ħsara; għax poplu kbir hawn għalija f’din il-belt”. Pawlu qagħad hemm sena u sitt xhur, jgħallimhom il-kelma ta’ Alla.

 

Imma meta Galljon sar prokonslu tal-Akaja, il-Lhud qamu għalenija kontra Pawlu, tellgħuh quddiem il-qorti, u qalu: “Dan il-bniedem qiegħed jipperswadi lin-nies biex iqimu lil Alla kontra l-Liġi”. Xħin Pawlu kien se jiftaħ fommu, Galljon qal lil-Lhud: “Li kieku kien hemm xi ħtija jew delitt, kien ikun hemm raġuni li nismagħkom bis-sabar kollu lilkom il-Lhud: imma jekk din hi kwistjoni dwar kliem u ismijiet u l-Liġi tagħkom, arawha intom; jien ma rridx nagħmilha ta’ mħallef fi ħwejjeġ bħal dawn”. U bagħathom ’il barra mill-qorti. Imbagħad ilkoll qabdu f’Sòsteni, il-kap tas-sinagoga, u tawh xebgħa quddiem il-qorti. Imma Galljon ma ta ebda kas ta’ dan.

 

Pawlu baqa’ hemm għal ħafna ġranet. Imbagħad infired mill-aħwa u rħielha bil-baħar lejn is-Sirja. Kellu miegħu lil Prixxilla u Akwila. F’Kenkri qata’ xagħru, għax kellu wegħda.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 46 (47), 2-3.4-5.6-7

 

R/. (8a): Alla s-sultan tal-art kollha

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Popli kollha, ċapċpu jdejkom,

għajtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla!

Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża’,

sultan kbir fuq l-art kollha. R/.

 

Irażżan il-popli taħtna,

il-ġnus iqiegħed taħt riġlejna.

Hu jagħżlilna l-wirt tagħna,

il-kburija ta’ Ġakobb, il-maħbub tiegħu. R/.

 

Tela’ Alla b’għajjat ta’ ferħ,

il-Mulej bid-daqq tat-trombi.

Għannu lil Alla, għannu,

għannu lis-sultan tagħna, għannu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Lq 24, 46.26

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-Messija kellu jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet

u hekk jidħol fil-glorja tiegħu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Il-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom.

Ġw 16, 20-23a

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Tassew tassew ngħidilkom, intom għad tibku u tingħu, iżda d-dinja għad tifraħ; għad iġġarrbu n-niket, imma n-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena. Il-mara, meta tkun se tiled tħossha mdejqa, għax tkun waslet is-siegħa tagħha; iżda meta tkun twieldet it-tarbija, ma tiftakarx iżjed fl-uġigħ, bil-ferħ li twieled bniedem fid-dinja. Hekk intom, issa tħossukom imdejqa; imma għad nerġa’ narakom u qalbkom tifraħ, u l-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom. F’dak il-jum xejn ma tistaqsuni”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu