It-Tielet Ġimgħa tal-Għid
Il-Ħamis
Qari I
Ara, hawn l-ilma! X’qiegħed iżommni li ma nitgħammidx?
Atti 8, 26-40
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak
iż-żmien, l-anġlu
tal-Mulej qal lil Filippu: “Qum, mur u aqbad it-triq
li tieħu lejn in-Nofsinhar minn Ġerusalemm għal Gaża”.
Din hi fid-deżert. Filippu qam u telaq.
Huwa u sejjer, jara raġel mill-Etjopja,
ewnuku, uffiċjal għoli ta’ Kandaċi,
sultana tal-Etjopja, li kien jieħu ħsieb it-teżori kollha tagħha. Dan kien ġie Ġerusalemm biex
jagħti qima lil Alla.
Huwa
u sejjer lura, kif kien bilqiegħda
fuq
il-karru
tiegħu, kien qiegħed jaqra l-ktieb tal-profeta Iżaija. Imbagħad
l-Ispirtu qal lil Filippu: “Mur ersaq maġenb il-karru”. Filippu
mar jgħaġġel lejn
ir-raġel. Kif semgħu jaqra l-ktieb tal-profeta Iżaija staqsieh: “Dan li qed taqra qiegħed
tifhmu?”. Dak
wieġbu: “Kif nista’ nifhem jekk
xi ħadd ma jurinix?”. Imbagħad stieden
lil Filippu biex jitla’ bilqiegħda
ħdejh.
Is-silta tal-Iskrittura li kien qiegħed jaqra kienet din: “Bħal nagħġa meħuda
għall-qatla, u bħal
ħaruf sieket quddiem min iġiżżu,
hekk hu ma fetaħx
fommu. Għakksuh
u kien imċaħħad
mill-ġustizzja. Min qatt
jista’ jirrakkonta fuq nislu? Għax
neħħewlu ħajtu
minn fuq l-art”. Mela
qal l-ewnuku lil Filippu: “Għidli,
nitolbok, għal min qiegħed jgħid
dan il-profeta? Għalih innifsu jew għal xi ħadd ieħor?”.
Imbagħad
Filippu fetaħ fommu u beda
minn din is-silta tal-Iskrittura
jxandarlu l-Evanġelju
ta’ Ġesù. Huma u sejrin għal għonq it-triq, waslu f’post
fejn kien hemm l-ilma. U l-ewnuku qal: “Ara, hawn
l-ilma! X’qiegħed iżommni li ma nitgħammidx?”. Imbagħad ordna li jwaqqfu l-karru, niżlu t-tnejn fl-ilma, hu u Filippu, u dan għammdu.
Malli
telgħu mill-ilma, l-Ispirtu tal-Mulej ħataf lil Filippu; l-ewnuku ma rahx
iktar u baqa’ sejjer fi triqtu kollu ferħan. Filippu sab
ruħu
f’Ażotu; huwa u għaddej minn
dawk l-inħawi, kien ixandar l-Evanġelju
f’kull belt sakemm wasal Ċesarija.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 65 (66), 8-9. 16-17. 20
R/. (1): Għajtu bil-ferħ lil Alla, bnedmin tad-dinja kollha
jew:
Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Bierku,
popli, lil Alla tagħna,
semmgħu
l-għana tat-tifħir
tiegħu.
Hu li jżommna fost il-ħajjin,
u
ma jħallix riġlejna
jogħtru. R/.
Ejjew,
isimgħu, u ngħidilkom,
intom ilkoll li tibżgħu minn
Alla,
ngħidilkom
x’għamel miegħi.
Lilu
sejjaħ fommi,
tifħiru
kien fuq ilsieni. R/.
Imbierek
Alla,
li
ma warrabx it-talba tiegħi;
ma
warrabx minn fuqi t-tieba tiegħu!
R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 6, 51
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena
hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema, jgħid il-Mulej.
Jekk
xi ħadd jiekol minn dan
il-ħobż jgħix
għal dejjem.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema.
Ġw 6, 44-51
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak
iż-żmien, Ġesù
qal lin-nies: “Ħadd
ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier
li bagħatni ma jiġbdux
lejja; u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar
jum.
Hemm
miktub fil-Profeti: “U kulħadd ikun mgħallem minn
Alla”. Mela
kull min jisma’ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi. Mhux
għax xi ħadd qatt ra lill-Missier
ħlief dak li hu minn Alla; hu dan li ra lill-Missier.
Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu
l-ħajja ta’ dejjem. Jiena
hu l-ħobż tal-ħajja. Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu;
dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx.
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol
minn
dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu