Il-Ħames Ġimgħa
tar-Randan
It-Tnejn
Qari I
Issa se mmut, u minn dak kollu li fil-ħażen tagħhom
qalgħu fuqi jiena m’għamilt xejn.
Dan 13, 1-9.15-17.19-30.33-62
forma qasira Dan 13, 41ċ-62
(minn fejn indikat b’‡)
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel
F’dak iż-żmien, kien hemm
raġel joqgħod Babilonja, jismu Ġojakim. Dan kien
miżżewweġ mara jisimha Susanna, bint Ħilkija, mara sabiħa ħafna
u tibża’ mill-Mulej. Il-ġenituri tagħha kienu nies sewwa, u lil binthom
rabbewha skont il-Liġi ta’ Mosè. Ġojakim kien raġel għani
ħafna, u kellu ġnien kbir mad-dar tiegħu. Il-Lhud kienu jiġu għandu,
għax kien l-aktar wieħed miġjub fosthom.
F’dik is-sena ntgħażlu
mħallfin tnejn mill-anzjani tal-poplu. Kien għalihom li qal
il-Mulej: “Il-ħażen ħareġ minn Babilonja, mill-anzjani li kienu
mħallfin, li suppost kienu jmexxu l-poplu”. Dawn kienu jmorru għand
Ġojakim, u kull min kien ikollu xi kwistjoni kien jiġi għandhom
għall-ġustizzja. Meta f’nofsinhar in-nies kienu jitilqu, Susanna kienet
toħroġ tippassiġġa fil-ġnien ta’ żewġha.
Iż-żewġ anzjani kienu kuljum jarawha ħierġa u tippassiġġa, u
ġiethom kilba għaliha. Kienu t-tnejn ta’ qalbhom imħassra, li dawru
għajnejhom in-naħa l-oħra biex la jħarsu lejn is-sema u lanqas
jiftakru fil-ħaqq u s-sewwa.
Qagħdu mela jistennew waqt tajjeb.
Ġara li darba Susanna daħlet bħas-soltu ma’ żewġ
xbejbiet biss; kienet is-sħana, u hi xtaqet toqgħod
tinħasel fil-ġnien. Ħadd ma kien hemmhekk ħlief
iż-żewġt ixjuħ jgħassulha bil-moħbi. Susanna qalet lix-xbejbiet:
“Morru ġibuli ż-żejt u l-fwieħa u sakkru l-bieb tal-ġnien warajkom
biex inkun nista’ ninħasel”.
Kif iż-żewġ xbejbiet
ħarġu, iż-żewġt ixjuħ qamu u ġrew għal
ħdejn Susanna u qalulha: “Ara, il-bibien tal-ġnien magħluqa, ma hawn ħadd jarana.
Aħna mxennqa għalik; għidilna iva u oqgħod għalina. Jekk tgħid le,
nixhdu kontrik, u ngħidu li kien hawn żagħżugħ miegħek, u kien
għalhekk li bgħatt ix-xbejbiet ’il barra”. Susanna tniehdet tnehida minn
qiegħ qalbha u qalet: “Ninsab magħfusa minn kullimkien! Jekk
nagħmel dan, hemm il-mewt għalija; jekk ma nagħmilx hekk, ma
neħlisx minn taħt idejkom. Imma jkun aħjar għalija ma
nagħmilx dan u naqa’ taħt idejkom milli nidneb quddiem il-Mulej”.
Imbagħad Susanna għajtet għajta kbira, u ż-żewġt
ixjuħ għajtu iżjed minnha, u wieħed minnhom mar jiġri
jiftaħ il-bieb tal-ġnien.
Meta n-nies tad-dar semgħu
l-għajjat fil-ġnien, daħlu b’ġirja waħda mill-bieb
tal-ġenb biex jaraw Susanna xi nqalgħalha. Imma kif ix-xjuħ qalu li
riedu jgħidu, il-qaddejja nstamtu, għax qatt ma kien instama’ jingħad
kliem bħal dan fuq Susanna.
L-għada, meta n-nies ġew
għand żewġha Ġojakim, marru ż-żewġt ixjuħ, mimlijin
għal Susanna b’fehmiet ħżiena biex jikkundannawha għall-mewt, u
qalu quddiem kulħadd: “Ibagħtu għal Susanna, bint Ħilkija,
mart Ġojakim”. Bagħtu għaliha, u ġiet hi u l-ġenituri tagħha, b’uliedha
u qrabatha kollha magħha. Niesha u dawk kollha li rawha qabdu jibku.
Iż-żewġt ixjuħ
ħarġu fin-nofs u qiegħdu jdejhom fuq rasha. Susanna, tibki, bdiet
tħares lejn is-sema, għax kellha tama sħiħa fil-Mulej.
Iż-żewġt ixjuħ qalu: “Waqt li konna mexjin weħidna fil-ġnien, din
il-mara daħlet ma’ żewġ xbejbiet, għalqet il-bieb tal-ġnien u
bagħtet ix-xbejbiet ’il barra. Imbagħad wieħed żagħżugħ,
li kien moħbi, resaq lejha u qagħad magħha. Aħna, mir-rokna
tal-ġnien fejn konna, meta rajna dan id-dnub, morna b’ġirja għal
ħdejhom. Rajniehom flimkien, imma liż-żagħżugħ ma stajniex
inżommuh, għax kien b’saħħtu aktar minna, u għalhekk fetaħ il-bieb u
ħarab. Qbadna lil din il-mara u staqsejnieha min kien dak
iż-żagħżugħ, iżda ma riditx tgħidilna.
Aħna xhieda ta’ dan kollu”. Il-ġemgħa tan-nies emmnithom, għax kienu
tnejn mill-anzjani tal-poplu u mħallfin, u (‡F’dak iż-żmien,) kkundannaw lil Susanna
għall-mewt.
Imbagħad Susanna b’għajta
kbira qalet: “Alla ta’ dejjem, int li tara kulma hu moħbi,
li tkun taf b’kull ħaġa qabel ma sseħħ, inti taf li dawn taw xhieda falza
kontra tiegħi. Ara, issa se mmut, u minn dak kollu li
fil-ħażen tagħhom qalgħu fuqi jiena m’għamilt xejn”. U
Alla sama’ t-talba tagħha. Huma u sejrin biha għall-mewt, Alla qajjem l-ispirtu qaddis ta’ daqsxejn ta’
żagħżugħ jismu Danjel, u dan qabad jgħajjat u
jgħid: “Jien m’għandix ħtija tad-demm ta’ din il-mara!”. In-nies kollha daru jħarsu lejh: “Dan
x’diskors hu tiegħek?”. qalulu. Hu ħareġ f’nofshom u qal: “Nies ta’
Iżrael, daqshekk intom boloh? Tikkundannaw waħda minn ulied
Iżrael bla ma tqisu xejn u bla ma tfittxu li tagħrfu s-sewwa!
Erġgħu lura fejn isir il-ħaqq, għax dawn taw xhieda falza kontriha”.
Minnufih kulħadd raġa’ lura u
l-anzjani qalu lil Danjel: “Ejja, oqgħod f’nofsna u għidilna li għandek tgħid, ladarba
Alla tak il-ġieħ ta’ anzjan”. Danjel qalilhom: “Ifirduhom u
begħduhom minn xulxin, ħalli ngħarbilhom jien”.
U firduhom minn xulxin. Danjel
sejjaħ wieħed minnhom u qallu: “Int, li xjeħt fi
ħżunitek, sa fl-aħħar dnubietek tal-imgħoddi
laħquk, dawk id-dnubiet li għamilt meta kont taqta’ sentenzi inġusti,
meta kont tikkundanna nies bla ħtija u teħles lill-ħatja, meta
l-Mulej qal: Toqtolx lil min hu bla ħtija u l-bniedem sewwa. Issa għidli
ftit, jekk tassew rajtha: x’siġra kienet dik li qbadthom taħtha
flimkien?”. U
hu qallu: “Taħt siġra tad-deru”. Qallu Danjel: “Sewwa! B’din il-gidba tiegħek
ġibt il-ħsara fuq rasek stess, għax l-anġlu ta’ Alla diġà għandu
l-ordni mingħand Alla biex jiġi jaqsmek minn nofsok”.
Imbagħad lil dan warrbu u ordna li
jġibulu lill-ieħor. Qallu: “Ja nisel
il-Kangħanin u mhux mil-Lhud, il-ġmiel għamiek u l-passjoni ħassritlek
qalbek! Hekk kontu ġġibu ruħkom mal-bniet ta’ Iżrael, u huma kienu
jibżgħu minnkom u joqogħdu għalikom. Iżda waħda minn ulied Ġuda
ma qagħditx għal ħżunitkom. Għidli, mela: x’siġra kienet dik li qbadthom
taħtha flimkien?”. U hu wieġeb: “Taħt siġra tal-ballut”. Qallu
Danjel: “Sewwa! Inti wkoll, b’din il-gidba tiegħek ġbidt
il-ħsara fuq rasek stess. Hemm l-anġlu ta’ Alla diġà
qiegħed jistenna bix-xabla f’idu biex iħanxrek minn nofsok, ħalli
b’hekk jeqridkom it-tnejn”.
Imbagħad il-ġemgħa
kollha għajtet b’leħen wieħed u bierku lil Alla li jsalva lil min
jittama fih. U lkoll daru għaż-żewġt ixjuħ, għax
bi kliemhom
stess ikkundannaw lilhom infushom bix-xhieda falza li taw, u għamlulhom
bħalma huma, bil-ħażen ta’ moħħhom, riedu jagħmlu lil
ħaddieħor; u hekk imxew fuq il-Liġi ta’ Mosè u qatluhom. Dakinhar demm
l-innoċenti kien salvat.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm
Responsorjali
Salm 22 (23), 1-3a.3b-4.5.6
R/. (4a): Ma nibżax
mill-ħsara, Mulej, għax inti miegħi
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni;
f’mergħat kollha ħdura
jqegħedni.
Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ,
jeħodni;
hemm hu jrejjaqni. R/.
Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara,
għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u
l-għasluġ tiegħek,
huma jwennsuni. R/.
Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli.
R/.
Miegħi, iva, jimxu t-tieba u
l-ħniena
il-jiem kollha ta’ ħajti.
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj! R/.
Sena A u B
Akklamazzjoni
qabel l-Evanġelju
Eżek 33, 11
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Jien ma nitgħaxxaqx b’mewt
il-midneb, jgħid il-Mulej,
imma bir-reġgħa lura
tiegħu minn triqtu biex jgħix.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Sena Ċ
Akklamazzjoni
qabel l-Evanġelju
Ġw 8, 12
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Jien id-dawl tad-dinja, jgħid
il-Mulej,
min jiġi warajja jkollu d-dawl
tal-ħajja.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Sena A u B
Evanġelju
Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla.
Ġw 8, 1-11
Qari mill-Evanġelju skont San
Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù
telaq lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Imma l-għada qabel is-sebħ
raġa’ mar fit-tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh, u hu qagħad
bilqiegħda jgħallimhom.
Imbagħad il-kittieba u
l-Fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li kienet inqabdet
fl-adulterju. Huma qegħduha fin-nofs u qalulu: “Mgħallem, din
il-mara nqabdet fil-fatt fl-adulterju. ssa fil-Liġi tagħna Mosè
ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma, xi tgħid?”. Dan
qaluhulu biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jixluh. Imma Ġesù tbaxxa
lejn l-art u beda jikteb b’sebgħu fit-trab. Billi dawk baqgħu
jistaqsuh, qam dritt u qalilhom: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha
hu l-ewwel ġebla”. U raġa’ tbaxxa jikteb fit-trab.
Kif semgħuh jgħid dan, qabdu
u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ, u
Ġesù baqa’ waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs. Qam dritt u qalilha: “Dawk
fejnhom, mara? Ħadd minnhom ma kkundannak?”. “Ħadd, Sinjur”, qaltlu. Qalilha
Ġesù: “Mela anqas jien ma nikkundannak. Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Sena Ċ
Evanġelju
Jiena d-dawl tad-dinja.
Ġw 8, 12-20
Qari mill-Evanġelju skont San
Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù
qabad ikellem lill-Fariżej u jgħidilhom: “Jiena d-dawl tad-dinja. Min
jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl
tal-ħajja”.
Qalulu l-Fariżej: “Qiegħed
tixhed int għalik innifsek; mela x-xhieda tiegħek mhix
minnha”. Weġibhom Ġesù: “U wkoll kieku kelli nixhed jien
għalija nnifsi, ix-xhieda tiegħi kienet tgħodd, għax jiena naf minn fejn ġej
u fejn sejjer. Imma intom ma tafux minn fejn jien ġej jew fejn
sejjer. Intom il-ħaqq tagħkom tagħmluh ta’ bnedmin li intom; jien ma nagħmel
ħaqq minn ħadd. Imma kieku kelli nagħmel ħaqq jien,
il-ħaqq tiegħi kien ikun sewwa, għax jien m’iniex waħdi, imma miegħi
għandi l-Missier li bagħatni. Issa fil-Liġi tagħkom hemm miktub li
x-xhieda ta’ tnejn tgħodd. Hemm jien, li qiegħed nixhed għalija
nnifsi, u hemm il-Missier li bagħatni, li hu wkoll qiegħed jixhed
għalija”.
“Missierek
fejn hu?”,
staqsewh. Weġibhom Ġesù: “Intom la lili ma tafu u lanqas lil
Missieri. Li kieku kontu tafu lili, kontu tkunu tafu lil Missieri wkoll”. Dan kollu Ġesù
qalu fit-teżor, huwa u jgħallem fit-tempju. U ħadd minnhom ma qabdu,
għax is-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu