21
ta’ Settembru
San
Mattew, appostlu u evanġelista
Festa
Qari I
Efesin 4: 1-7.11-13
Qari mill-Ittra ta’
San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ħuti:
Inħeġġiġkom, jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu
sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin. Bl-umiltà kollha,
bil-ħlewwa u s-sabar, aħmlu ’l xulxin fl-imħabba; fittxu li
żżommu l-għaqda tal-Ispirtu bir-rabta tas-sliem. Intom ġisem
wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal
tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija
waħda; Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq
kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd.
Imma lil kull wieħed minna ġiet
mogħtija l-grazzja skont il-qjies tal-għajta ta’ Kristu. U huwa dak
li ta’ lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti, lil xi
wħud evanġelisti, lil xi wħud ragħajja u mgħallmin,
ħalli b’hekk jitrawmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma
tagħhom għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu, sakemm aħna lkoll
naslu biex insiru wieħed fil-fidi u fil-għarfa tal-Iben ta’ Alla,
insiru raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu. U hekk
isseħħ il-milja ta’ Kristu.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil
Alla.
Salm Responsorjali
Salm 18: 2-5
R/. Mal-art kollha jasal
leħinhom!
Is-smewwiet ixandru l-glorja ta’ Alla,
għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.
Jum lill-ieħor jagħti l-aħbar,
lejl lill-ieħor iwassal it-tagħrif. R/.
Ma hemmx aħbar u anqas kliem,
ma hemmx leħen li ma jinstemax.
Mal-art kollha jasal leħinhom,
mad-dinja kollha jinxtered kliemhom. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
R/. Hallelujah.
Lilek, o Alla infaħħru: lilek bħala
Mulej nistqarru.
Lilek tfaħħar, Mulej, il-ġemgħa
glorjuża tal-Appostli.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Mt 9: 9-13
Qari
mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien: Huwa u għaddej
Ġesù ra wieħed bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi; kien jismu
Mattew. “Ejja warajja”, qallu. Dak qam u mar warajh. U ġara li, kif
qagħad għandu għall-mejda ma’ Ġesù u d-dixxipli
tiegħu, rawh il-Fariżej, u qalu lid-dixxipli tiegħu:
“Għaliex jiekol mal-pubblikani u l-midinbin l-Imgħallem
tagħkom”? Hu semagħhom u qal: ‘It-tabib ma jeħtiġuhx dawk
li huma f’saħħithom, iżda l-morda. Mela morru tgħallmu
x’jiġifieri ‘Ħniena nistenna u mhux sagrifiċċju’; għax
mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.