L-Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Imbierek il-Mulej, li ma ċaħħdekx minn qarib feddej illum. Kien missier Ġesse, missier David.

Rut 2, 1-3.8-11; 4, 13-17

 

Qari mill-Ktieb ta’ Rut

 

Nagħomi kellha wieħed jiġi minnha min-naħa ta’ żewġha; kien bniedem għani ħafna, mill-familja ta’ Elimelek u kien jismu Bogħaż. U Rut, il-Mowabija, qalet lil Nagħomi: “Ħa mmur fir-raba’, u nlaqqat is-sbul minn wara min juri ħniena miegħi”. U Nagħomi weġbitha: “Mur binti”. U marret tlaqqat fir-rabaminn wara l-ħassada. U messitha għalqa minn ta’ Bogħaż, li kien wieħed mill-familja ta’ Elimelek.

 

U Bogħaż qal lil Rut: “Ara, qiegħda tisma’, binti. Tmurx tlaqqat f’għalqa oħra. U lanqas ma għandek twarrab minn hawn: ibqa’ mal-ħaddiema bniet tiegħi. Żomm għajnejk fuq l-għalqa li jkunu jaħsdu, u imxi warajhom. Ara, wissejt lill-ħaddiema biex ma jmissukx. Meta jieħdok l-għatx mur ħdejn il-ġarar, u ixrob mnejn jixorbu l-ħaddiema”.

 

U niżlet wiċċha fl-art u qaltlu: “Kif sibt ħniena f’għajnejk u ħarist lejja, jien, li jien mara barranija?”. U wieġeb Bogħaż: “Qaluli b’kull ma għamilt mal-kunjata wara l-mewt ta’ żewġek; ħallejt lil missierek u lil ommok u lil art twelidek, u tlaqt għal għand poplu li int xejn ma kont tafu qabel”.

 

Bogħaż ħa lil Rut, u saret martu, u resaq lejha, u l-Mulej taha li titqal u tiled iben. U n-nisa bdew jgħidu lil Nagħomi: “Imbierek il-Mulej, li ma ċaħħdekx minn qarib feddej illum; ismu jkun magħruf f’Iżrael. Hu jfarraġlek ruħek u jwieżnek fi xjuħitek, għaliex wilditu mart ibnek, li tħobbok, u li għalik hi aħjar minn sebawlied”.

 

U Nagħomi ħadet it-tarbija, u qegħditha f’ħoġorha u ħaditha biex trabbiha. U n-nisa tawha isem u qalu: “Nagħomi tweldilha tifel!. U semmewh Għobed. Hu missier Ġesse, missier David.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 127 (128), 1-2.3.4.5

 

R/. (4): Ara, kif ikun imbierek il-bniedem li jibża’ mill-Mulej!

 

Hieni kull min jibża’ mill-Mulej,

kull min jimxi fit-triqat tiegħu!

Mix-xogħol ta’ jdejk inti tiekol;

hieni int, u riżqek tajjeb! R/.

 

Martek tkun bħal dielja għammiela

fl-irkejjen ta’ darek;

uliedek bħal xitel taż-żebbuġ

madwar il-mejda tiegħek. R/.

 

Ara, kif ikun imbierek

il-bniedem li jibża’ mill-Mulej!

Ibierkek il-Mulej minn Sijon!

Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm

tul ħajtek kollha! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 23, 9b.10b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet

u l-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn.

Mt 23, 1-12

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù kellem lin-nies u lid-dixxipli tiegħu, u qalilhom: Fuq il-katedra ta’ Mosè qagħdu l-kittieba u l-Fariżej. Mela kulma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn. Huma jorbtu qatet kbar u tqal u jgħabbuhom fuq spallejn ħaddieħor, waqt li huma stess anqas b’sebagħhom wieħed ma jridu jħarrkuhom. Kulma jagħmlu, jagħmluh għal għajnejn in-nies; għalhekk ikabbru l-filatteri u jtawlu l-ġmiemen tagħhom. Iħobbu l-postijiet ewlenin fl-imwejjed, u s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi, u jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez u li n-nies isejħulhom: “rabbi”.

 

Imma intom tħallux min isejħilkom: “rabbi”, għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa. U ssejħu lil ħadd: missierfuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet. Hekk ukoll tħallux min isejħilkom: “mexxejja”, għax il-Mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija. Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom; min jitgħolla, jitbaxxa, u min jitbaxxa, jitgħolla”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu