Is-Sittax-il Ġimgħa
taż-Żmien ta’ Matul
is-Sena
L-Erbgħa
Qari I
Se nibagħtilkom xita
ta’ ħobż mis-sema.
Eżodu 16, 1-5.9-15
Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
Il-ġemgħa
kollha ta’ wlied Iżrael refgħu t-tined tagħhom minn
Elim u fil-ħmistax-il jum tat-tieni
xahar minn ħruġhom mill-art tal-Eġittu, waslu fid-deżert ta’ Sin,
li jinsab bejn Elim u s-Sinaj.
Fid-deżert,
il-ġemgħa kollha
ta’ wlied Iżrael bdew igergru kontra Mosè u Aron. Ulied Iżrael qalulhom: “Mhux li mitna b’id
il-Mulej fl-art tal-Eġittu,
meta konna ħdejn il-borom tal-laħam u konna nieklu ħobż bix-xaba’! Ħriġtuna f’dan id-deżert biex toqtlu bil-ġuħ din il-ġemgħa kollha!”.
Il-Mulej
imbagħad qal lil Mosè: “Ara,
se nibagħtilkom xita
ta’ ħobż mis-sema. Il-poplu kollu joħroġ u jiġbor minn
jum għal ieħor kemm ikun jenħtieġ għall-ġurnata, biex hekk inġarrabhom u nara jimxux mal-liġi tiegħi jew le.
Fis-sitt jum, imbagħad,
meta jkunu jħejju x’se jieħdu magħhom, iqisu li jkun darbtejn
aktar minn dak li jiġbru kuljum”.
Mosè, imbagħad, qal lil Aron: “Għid lill-ġemgħa kollha ta’ Iżrael: “Ersqu quddiem il-Mulej
għax sama’ t-tgergir tagħkom”.
U kif Aron kien
ikellem lill-ġemgħa
kollha ta’ Iżrael, u ħarsu lejn id-deżert, hemm hi, il-glorja tal-Mulej dehret fi sħaba. U l-Mulej kellem lil
Mosè: “Jien smajt it-tgergir ta’ wlied Iżrael. Kellimhom u għidilhom: “Filgħaxija tieklu l-laħam u filgħodu tixbgħu bil-ħobż. U tkunu tafu li jiena
l-Mulej, Alla tagħkom”.
U ġara
li filgħaxija dehret qatgħa summien tittajjar fl-għoli u għattiet it-tined kollha, u filgħodu kien hemm wiċċ nida madwar it-tined. Meta din
in-nida għabet, fuq wiċċ id-deżert kien hemm xi ħaġa rqiqa qisha ġlata fuq l-art.
Malli wlied Iżrael raw dan, bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Man-hu?”. - Għax ma għarfux x’inhu. Mosè qalilhom: “Dan hu l-ikel
li l-Mulej takom biex tieklu”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 77 (78), 18-19.23-24.25-26.27-28
R/. (24b): Tahom il-qamħ mis-sema
Ġarrbu
lill-Għoli f’qalbhom,
billi talbuh l-ikel li xtaqu.
Tkellmu kontra Alla, u qalu:
“Jista’
Alla jħejji mejda fid-deżert?”. R/.
Imma hu ordna
s-sħab fl-għoli,
u fetaħ bwieb is-smewwiet;
u xita ta’ manna bagħtilhom x’jieklu,
tahom il-qamħ mis-sema. R/.
Kull wieħed
kiel il-ħobż
tal-qalbenin,
ikel bix-xaba’ bagħtilhom.
Tella’ r-riħ il-Lvant fis-smewwiet,
ħareġ ir-riħ isfel b’qawwietu. R/.
Xita ta’ laħam bħat-trab bagħtilhom,
għasafar bħar-ramel tal-baħar;
u waqqagħhom f’nofs it-tined tagħhom,
madwar l-għerejjex fejn kienu jgħammru.
R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Hallelujah. R/.
Hallelujah
Iż-żerriegħa hi l-kelma ta’ Alla,
min jiżragħha hu Kristu:
min isibha, jikseb il-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Xi żerrigħat waqgħu
f’art tajba, u għamlu l-frott.
Mt 13, 1-9
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
Dakinhar Ġesù ħareġ mid-dar, mar f’xatt il-baħar u qagħad bilqiegħda hemm. U nġabru madwaru folol hekk kbar
ta’ nies li kellu jitla’ fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha; in-nies
qagħdu lkoll wieqfa fuq ix-xatt.
Hu beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ
bil-parabboli. U qalilhom: “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija; ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn
ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; iżda
mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom.
Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin. Min għandu widnejn, ħa jisma’”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu