Is-Seba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn
Qari I
Jekk ħsiebkom fil-ġlied, qisu li b’hekk ma tiftaħrux.
Ġak 3, 13-18
Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu
Ħuti, hemm xi ħadd għaref u għaqli fostkom? Mela ħa juri bl-imġiba tajba tiegħu, għemilu bi ħlewwa għaqlija. Imma jekk intom għandkom l-għejra u l-imrar f’qalbkom u ħsiebkom fil-ġlied, qisu li b’hekk ma tiftaħrux u tigdbu kontra l-verità. Dan mhux l-għerf li ġej mis-sema, imma l-għerf ta’ din l-art, tal-ġisem u tax-xitan. Għax fejn hemm l-għejra u l-ġlied, hemm issib ittaqlib u kull xorta ta’ ħażen. L-għerf li ġej mis-sema, qabel kollox hu għerf safi, imbagħad hu għerf li jfittex is-sliem, it-tjubija u l-ħlewwa; huwa kollu ħniena u frott tajjeb, bla ma jħares lejn l-uċuħ u bla qerq. Dawk li jfittxu s-sliem jiżirgħu fis-sliem u jkollhom il-frott tal-ġustizzja.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 18 (19), 8.9.10.15
R/. (9a): Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb
Il-liġi tal-Mulej perfetta,
u tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,
u tgħallem lil min ma jafx. R/.
Il-preċetti tal-Mulej dritti,
u jferrħu l-qalb;
il-kmandament tal-Mulej safi,
u jdawwal l-għajnejn. R/.
Il-biża’ tal-Mulej sinċier,
u jibqa’ għal dejjem;
il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,
u mseddqa għalkollox. R/.
Ħa jkunu milqugħa quddiemek kliem fommi
u ħsieb qalbi,
Mulej, blata tiegħi u feddej tiegħi. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara 2 Tim 1, 10
Hallelujah. R/. Hallelujah
Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt,
u dawwal il-ħajja permezz tal-Evanġelju.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Jiena nemmen. Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi.
Mk 9, 14-29
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù, Pietru, Ġakbu u Ġwanni, niżlu minn fuq il-muntanja u ġew ħdejn id-dixxipli l-oħra, rawhom b’kotra kbira ta’ nies madwarhom, u xi kittieba jitlewmu magħhom. In-nies, kif rawh, ilkoll stagħġbu ħafna u ġrew lejh biex isellmulu. U hu staqsiehom: “Fuqiex qegħdin titlewmu magħhom?”. U wieħed mill-kotra qallu: “Mgħallem, ġibtlek lil ibni għax għandu spirtu mbikkem. U kull fejn jaħkmu jsabbtu mal-art u hu joħroġ ir-ragħwa minn ħalqu, jgħażżeż snienu u jibbies. Għedt lid-dixxipli tiegħek biex ikeċċuh minnu, u ma kellhomx ħila”. Qalilhom Ġesù: “Ja nies bla fidi! Kemm se ndum magħkom? Kemm se ndum
nissaportikom? Ġibuhuli quddiemi”. U ressquhulu quddiemu. L-ispirtu, malli lemaħ lil Ġesù, beda jħabbtu ’l hawn u ’l hemm bir-ragħwa f’ħalqu. “Xi kemm ilu jagħtih hekk?” staqsa Ġesù lil missieru. Qallu: “Minn ċkunitu, u sikwit ġie li tefgħu fin-nar u fl-ilma biex jeqirdu. Imma int, jekk tista’ tagħmel xi ħaġa, għinna u ħenn għalina”. Qallu Ġesù: “Jekk tista’! Kollox jista’ jkun għal min jemmen”. Missier it-tifel minnufih beda jgħajjat u jgħidlu: “Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi!”.
Ġesù, meta ra l-kotra tiżdied, hedded bl-aħrax lill-ispirtu ħażin u qallu: “Ja spirtu mbikkem u trux, jiena nordnalek: oħroġ minnu, u la terġax tidħol fih, qatt iżjed”. U filwaqt li qabad jixher u jħabbtu ħafna, ħareġ minnu, u t-tifel inxteħet għal mejjet, hekk li l-kotra tan-nies bdiet tgħid: “Miet”. Imma Ġesù qabdu minn idu u qajmu, u hu waqaf fuq saqajh. Meta mbagħad Ġesù raġa’ daħal id-dar, id-dixxipli tiegħu staqsewh rasu u rashom: “Għaliex ma rnexxilniex inkeċċuh?”. Qalilhom: “Spirtu bħal dak, ma jista’ jitkeċċa b’xejn ħlief bit-talb”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu