20 ta’ Diċembru
Qari I
Araw, ix-xebba titqal u tiled iben.
Iż 7, 10-14
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
F’dak iż-żmien, il-Mulej issokta jkellem lil Aħaż
u jgħidlu: “Itlob sinjal għalik
mingħand il-Mulej, Alla tiegħek, f’qiegħ l-art jew
fl-għoli tas-smewwiet”. U Aħaż wieġeb: “Ma nitlobx: ma rridx nittanta lill-Mulej”. U l-profeta wieġeb: “Isimgħu, mela, dar David: mhux biżżejjed għalikom li tkiddu lill-bnedmin, biex issa se tkiddu lil Alla tiegħi? Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess: Araw, ix-xebba titqal u tiled iben, u ssemmih Għimmanu-el”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 23 (24), 1-2.3-4ab.5-6
R/. (ara
7ċ u 10b): Araw, ġej
il-Mulej, is-Sultan tal-glorja!
Tal-Mulej hi l-art u kulma fiha,
id-dinja u kulma jgħix fiha.
Għax hu fuq l-ibħra waqqafha,
u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha. R/.
Min jista’ jitla’ fuq l-għolja
tal-Mulej?
Min joqgħod
fil-post imqaddes tiegħu?
Min għandu idejh indaf u qalbu
safja,
min ma jagħtix ruħu għall-frugħa.
R/.
Dan ikollu barka mingħand il-Mulej,
u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.
Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh;
li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Hallelujah. R/. Hallelujah
O Muftieħ ta’
David,
li tiftaħ bibien is-Saltna ta’ dejjem,
ejja ħa toħroġ lill-bniedem
mill-jasar u d-dlam tal-ħabs.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ara, inti
se tnissel fil-ġuf u jkollok iben.
Lq 1, 26-38
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand
xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija.
L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem
għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”. Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem
Alla. Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli.
Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar
Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu”.
Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan,
ladarba ma nagħrafx raġel?”.
Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet
id-dell tagħha fuqek.
U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha
kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn
li ma jistax isir”.
Imbagħad qalet Marija: “Ara, jiena
l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek”. U l-anġlu telaq minn quddiemha.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu