It-Tlieta u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Jien ħadt il-ktejjeb u blajtu.

Apok 10, 8-11

 

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

 

Jiena, Ġwanni, il-leħen li kont smajt mis-sema raġa’ kellimni u qalli:Mur ħu l-ktieb il-miftuħ li hemm f’id l-anġlu wieqaf fuq il-baħar u fuq l-art”. U mort ħdejn l-anġlu u għedtlu jagħtini l-ktejjeb. U qalli: “Ħu, u ibilgħu, u jsirlek imrar ġo fik, imma ġo ħalqek jiġik ħelu għasel”. Jien ħadt il-ktejjeb minn id l-anġlu u blajtu, u ġo ħalqi ħassejtu ħelu għasel; iżda meta kiltu, imlieni bl-imrar ġo fija. Imbagħad qaluli: “Int għandek terġa’ tħabbar dwar ħafna popli u ġnus, u ilsna u slaten.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 118 (119), 14.24.72.103.111.131

 

R/. (103a): Kemm hi ħelwa l-wegħda tiegħek!

 

Nifraħ fit-triq tal-preċetti tiegħek,

daqs kieku kelli l-għana kollu.

Il-preċetti tiegħek huma l-għaxqa tiegħi,

huma jagħtuni l-parir tajjeb. R/.

 

Aħjar għalija l-liġi ta’ fommok

mill-eluf ta’ flejjes tad-deheb u l-fidda.

Kemm hi ħelwa l-wegħda tiegħek!

Oħla mill-għasel għal fommi. R/.

 

Il-preċetti tiegħek wirti għal dejjem;

huma l-għaxqa ta’ qalbi.

Niftaħ fommi u nieħu r-ruħ,

għax nixxennaq għall-kmandamenti tiegħek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 10, 27

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej,

u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Id-dar tiegħi għamiltuha għar tal-ħallelin.

Lq 19, 45-48

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù daħal fit-tempju, u qabad ikeċċi ’l barra l-bejjiegħa u jgħidilhom: “Hemm miktub: “Id-dar tiegħi tkun dar it-talb”. Iżda intom għamiltuha għar tal-ħallelin”. U kien jgħallem kuljum fit-tempju. Il-qassisin il-kbar u l-kittieba u l-kbarat tal-poplu kienu jfittxu li jeqirduh; iżda ma kinux jafu x’jaqbdu jagħmlu, għax il-poplu kollu kien imqabbad miegħu biex jisimgħu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu