L-Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien
ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa
Qari I
Nagħomi u Rut il-Mowabija
waslu Betlehem.
Rut 1, 1.3-6.14b-16.22
Qari mill-Ktieb ta’ Rut
Fi żmien meta kienu jaħkmu l-imħallfin, kien hemm l-għaks fil-pajjiż. Kien hemm raġel
minn Betlehem
ta’ Ġuda li mar joqgħod
fl-inħawi ta’ Mowab, hu, martu
u ż-żewġ uliedu.
Ġara li miet Elimelek, żewġ Nagħomi, u baqgħu hi u ż-żewġ
uliedha. U dawn ħadu b’nisa tagħhom tnejn mill-Mowabin: waħda jisimha Għorfa, u l-oħra Rut; u qagħdu hemm għal xi għaxar snin. U mietu ż-żewġ irġiel
Maħlon u Kiljon; u l-mara baqgħet weħidha mingħajr iż-żewg uliedha u żewġha. Qamet hi u n-nisa ta’ wliedha biex jerġgħu lura mill-inħawi ta’ Mowab, għax kienu semgħu f’Mowab li l-Mulej kien ħaseb
fil-poplu tiegħu, u pprovdielhom il-ħobż.
Għorfa bieset lil omm
żewġha, imma Rut baqgħet imqabbda magħha. Nagħomi qaltilha: “L-armla ta’ ħu żewġek reġgħet
lura għand niesha u l-allat tagħha. Mur lura int ukoll,
bħall-armla ta’ ħu żewġek”. U Rut
wieġbet: “Iġġagħalnix
nitilqek u nerġa’ lura minnek; fejn tmur int,
immur jien; fejn toqgħod int, noqgħod jien; niesek, niesi; Alla tiegħek,
Alla tiegħi”.
U hekk reġgħet
lura Nagħomi u Rut il-Mowabija, mart binha, magħha, mill-inħawi ta’ Mowab. Kien żmien il-ħsad tax-xgħir meta waslu Betlehem.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 145 (146), 5-6.7.8-9a.9bċ-10
R/. (1b): Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!
Hieni min f’Alla ta’ Ġakobb isib l-għajnuna tiegħu,
min għandu t-tama fil-Mulej, Alla tiegħu,
li għamel is-sema, l-art u l-baħar,
u kulma jinsab fihom.
R/.
Hu li jżomm kelmtu
għal dejjem,
li jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej li jeħles
lill-imjassrin. R/.
Il-Mulej li jiftaħ
għajnejn l-għomja;
il-Mulej li jerfa’ lill-milwijin;
il-Mulej li jħobb lill-ġusti;
il-Mulej li jħares lill-barranin. R/.
Hu li jżomm lill-iltim
u lill-armla,
imma lill-ħżiena jħarbtilhom
triqathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem;
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel
għal nisel. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Salm 24 (25), 4b.5a
Hallelujah. R/. Hallelujah
Mulej, għallimni, il-mogħdijiet
tiegħek.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ħobb lill-Mulej,
Alla tiegħek u ħobb lil għajrek
bħalek innifsek.
Mt 22, 34-40
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, il-Fariżej,
meta semgħu kif Ġesù lis-Sadduċej kien saddilhom ħalqhom, inġabru madwaru, u wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu
din il-mistoqsija biex iġarrbu: “Mgħallem, liema hu l-kmandament
il-kbir, fil-Liġi?”.
Qallu Ġesù: ““Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu”. Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel
wieħed. U it-tieni jixbhu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Dawn iż-żewġ
kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu