Is-Sittax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Jien qegħedtek profeta fuq il-ġnus.

Ġer 1, 1.4-10

 

Bidu tal-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

 

Il-kliem ta’ Ġeremija bin Ħilkija, mill-qassisin li kienu f’Għanatot, fl-art ta’ Benjamin. U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli:

Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek;

qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek.

Jien qegħedtek profeta fuq il-ġnus”.

Jien weġibt: “Ah, Sidi Mulej,

ma nafx nitkellem, għadni żgħir”.

U l-Mulej weġibni: “Tgħidx, “Għadni żgħir”.

Inti tmur kull fejn nibagħtek,

u tgħid kulma nordnalek.

La tibżax minnhom,

għax jien miegħek biex neħilsek”.

Oraklu tal-Mulej.

U l-Mulej ħareġ idu

u messli fommi,

u qalli l-Mulej:

“Ara, qegħedtlek kliemi fuq fommok.

Ara, jiena llum qegħedtek fuq il-ġnus u s-saltniet,

biex taqla’ u ġġarraf,

biex teqred u tħott, biex tibni u tħawwel”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 70 (71), 1-2.3-4a.5-6ab.15ab u 17

 

R/. (ara 15): Mulej, fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek

 

Fik, Mulej, jien nistkenn;

ma jkolli qatt għax ninfixel.

Għall-ġustizzja tiegħek salvani u ħarisni;

agħtini widen u fittex eħlisni. R/.

 

Kun sur ta’ kenn għalija;

int wegħedt li tiġi dejjem issalvani,

għax blata u fortizza int għalija.

Alla tiegħi, ħarisni minn id il-ħażin. R/.

 

Għax inti, Sidi, it-tama tiegħi;

Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.

Fuqek serraħt sa minn twelidi,

sa minn ġuf ommi inti ħadtni. R/.

 

Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek,

il-jum kollu l-għemejjel tal-għajnuna tiegħek.

O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni;

u jien s’issa għadni nxandar għeġubijietek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Iż-żerriegħa hi l-kelma ta’ Alla,

min jiżragħha hu Kristu:

min isibha, jikseb il-ħajja ta’ dejjem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Xi żerrigħat waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott.

Mt 13, 1-9

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

Dakinhar Ġesù ħareġ mid-dar, mar f’xatt il-baħar u qagħad bilqiegħda hemm. U nġabru madwaru folol hekk kbar ta’ nies li kellu jitla’ fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha; in-nies qagħdu lkoll wieqfa fuq ix-xatt.

 

Hu beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli. U qalilhom: “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija; ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin. Min għandu widnejn, ħa jisma’”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu