Is-Sittax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Ulied Iżrael daħlu fin-niexef f’nofs il-baħar.

Eżodu 14, 21 – 15,1

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

 

F’dak iż-żmien, Mosè medd idu fuq il-baħar, u l-Mulej reġġalura l-baħar b’riħ qawwi mil-Lvant matul il-lejl kollu; il-baħar ixxotta u l-ilmijiet inferqu. U mbagħad ulied Iżrael daħlu fin-niexef f’nofs il-baħar; l-ilmijiet kienu għalihom qishom ħitan fuq il-lemin u fuq ix-xellug. L-Eġizzjani marru warajhom, u daħlu f’nofs il-baħar, iż-żwiemel kollha tal-Fargħun, il-karrijiet u r-rikkieba tiegħu.

 

Fis-sahra ta’ filgħodu, il-Mulej minn ġol-kolonna tan-nar u s-sħaba xeħet ħarsa fuq it-tined tal-Eġizzjani, u ħarbathom. U xekkel ir-roti tagħhom u bit-tbatija setgħu jmexxuhom. U mbagħad l-Eġizzjani bdew jgħajtu: “Ħa naħarbu minn quddiem Iżrael, għaliex il-Mulej qiegħed jiggieled kontra l-Eġizzjani!.

 

Il-Mulej qal lil Mosè: “Midd idek fuq il-baħar, u l-ilma jerġalura fuq l-Eġizzjani, bil-karrijiet u r-rikkieba tagħhom”. U Mosè medd idu fuq il-baħar. U ma’ sbiħ il-jum il-baħar raġalura fejn kien qabel, u l-Eġizzjani, huma u jaħarbu, sabu ruħhom fih. Hekk il-Mulej gerbibhom f’nofs l-ilma. L-ilmijiet reġgħu lura u għarrqu l-karrijiet u r-rikkieba tal-eżerċtu kollu tal-Fargħun li kienu ġejjin warajhom fil-baħar. Anqas wieħed ma baqaminnhom. U wlied Iżrael għaddew fin-niexef f’nofs il-baħar, u l-ilmijiet kienu għalihom bħal ħitan wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug.

 

Dakinhar il-Mulej salva lil Iżrael minn id l-Eġizzjani, u Iżrael ra l-Eġizzjani mejta fuq xatt il-baħar.

 

U mbagħad Mosè, flimkien ma’ wlied Iżrael, għanna din l-għanja lill-Mulej, u qalu: Ngħanni lill-Mulej, għax tkabbar bis-sħiħ. Żwiemel u rikkieba waddabhom fil-baħar”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Eżodu 15, 8-9.10 u 12.17

 

R/. (1a): Ngħanni lill-Mulej, għax tkabbar bis-sħiħ

 

Man-nifs ta’ għadbek

inġemgħu l-ilmijiet;

bħal gzuz twaqqfu l-gliegel;

għaqdu fil-qalba tal-baħar l-imwieġ. R/.

 

U l-għadu qal:

Niġri għal warajhom u nilħaqhom;

naħtaf il-priża

u xewqti naqta’;

nislet is-sejf u idi teqridhom”. R/.

 

Infaħt b’nifsek,

u l-baħar għattiehom.

U għerqu bħaċ-ċomb

fil-qawwa tal-baħar.

Meddejt lemintek,

u belgħethom l-art. R/.

 

Twassalhom u tħawwilhom fuq il-muntanja,

il-wirt tiegħek;

l-imkien, Mulej, li int għamiltu għamartek;

il-maqdes, Sidi, li ħejjew idejk. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 23

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej,

u Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Medd idu lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Dawn, araw, huma ommi u ħuti!”

Mt 12, 46-50

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, kif Ġesù kien għadu qiegħed ikellem lin-nies, ġew ommu u ħutu, waqfu barra u fittxew li jkellmuh. Xi ħadd qallu: Ara, ommok u ħutek qegħdin barra jfittxu li jkellmuk”. Iżda hu wieġeb lil dak li kellmu, u qallu: “Min hi ommi? U min huma ħuti?.

 

Imbagħad medd idu lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Dawn, araw, huma ommi u ħuti. Għax kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu