Il-Ħames Ġimgħa tal-Għid
Il-Ġimgħa
Qari I
Lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna li aħna ma għandna ngħabbukom b’ebda piż ieħor aktar minn dak li hu meħtieġ.
Atti 15, 22-31
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, l-appostli u l-presbiteri, flimkien mal-Knisja kollha, dehrilhom li kellhom jagħżlu lil xi wħud minnhom u jibagħtuhom Antjokja ma’ Pawlu u Barnaba. Dawn kienu Ġuda, jgħidulu Barsaba, u Sila, li kienu minn ta’ quddiem fost l-aħwa.
U bagħtu magħhom din l-ittra: “L-appostli u l-presbiteri, ħutkom, lill-aħwa ta’ Antjokja, tas-Sirja u taċ-Ċiliċja, li ġew mill-ġnus; is-sliem għalikom! Aħna smajna li xi wħud min-nies tagħna, mingħajr ebda ordni tagħna, ġew ħawdukom u qallbulkom moħħkom bi kliemhom. Għalhekk aħna qbilna lkoll bejnietna u dehrilna li kellna nagħżlu lil xi wħud u nibagħtuhom għandkom flimkien mal-għeżież tagħna Barnaba u Pawlu, nies li ddedikaw ħajjithom għall-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu. Għalhekk bgħatnielkom lil Ġuda u ’l Sila, biex jgħidulkom bi kliemhom l-istess ħaġa. Għax lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna li aħna ma għandna ngħabbukom b’ebda piż ieħor aktar minn dak li hu meħtieġ, jiġifieri, li titbiegħdu mill-ikel issagrifikat lill-idoli, mid-demm, mil-laħam tal-annimali fgati u miż-żwieġ ħażin. Tagħmlu tajjeb jekk tħarsu rwieħkom minn dawn. Saħħa!”.
Għalhekk dawn il-messaġġiera niżlu Antjokja, laqqgħu l-ġemgħa u tawhom l-ittra, qrawha, u ferħu għall-faraġ li tathom.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 56 (57), 8-9.10-12
R/. (10a): Infaħħrek, Sidi, fost il-popli
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Sħiħa qalbi, o Alla, sħiħa qalbi;
ħa ngħanni u ninseġ għanja:
Qum, ruħ tiegħi,
qum, arpa u ċetra!
Ħa nqajjem sbiħ il-jum. R/.
Infaħħrek, Sidi, fost il-popli,
ngħannilek fost il-ġnus;
għax m’ogħla s-smewwiet it-tieba tiegħek,
sas-sħab il-fedeltà tiegħek.
Ogħla ’l fuq mis-smewwiet, o Alla!
Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha! R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 15, 15b
Hallelujah. R/. Hallelujah
Sejjaħtilkom ħbieb, jgħid il-Mulej;
għaliex kulma smajt mingħand Missieri
jiena għarrafthulkom.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin.
Ġw 15, 12-17
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kulma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom. Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kulma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa jagħtihulkom. Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu