It-Tlieta u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Iċċelebraw il-festa tal-konsagrazzjoni tal-artal, u offrew ferħana sagrifiċċji tal-ħruq.

1 Mak 4, 36-37.52-59

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tal-Makkabin

 

F’dak iż-żmien, Ġuda u ħutu qalu: “Araw, l-għedewwa tagħna tkissru, ħa nitilgħu nnaddfu t-tempju u nerġgħu nikkonsagrawh”. U nġabar l-eżerċtu kollu u telgħu fuq l-għolja ta’ Sijon. U bakkru mas-sebħ tal-ħamsa u għoxrin tad-disaxahar, ix-xahar ta’ Kaslew, tas-sena 148. U offrew sagrifiċċju skont ma titlob il-Liġi fuq l-artal il-ġdid tas-sagrifiċċju tal-ħruq, li kienu għamlu.

 

Sewwasew fl-istess żmien u fl-istess jum li fih il-Ġentili kienu niġġsuh, l-artal kien ikkonsagrat bil-kant u d-daqq taċ-ċetri, l-arpi u ċ-ċnieċel. U l-poplu kollu nxteħet wiċċu fl-art u taw qima u bdew ibierku s-sema li tahom ir-riżq.

 

U ċċelebraw il-festa tal-konsagrazzjoni mill-ġdid tal-artal għal tmint ijiem, u offrew ferħana sagrifiċċji tal-ħruq, sagrifiċċji tas-sliem u sagrifiċċji ta’ radd il-ħajr. U żejnu l-faċċata tat-tempju b’kuruni tad-deheb u tarki żgħar; ġeddew il-bibien u l-kmamar u qegħdulhom il-bibien. Kien hemm ferħ kbir fost il-poplu għax tħassar l-għajb tal-Ġentili.

 

Ġuda u ħutu mal-ġemgħa kollha ta’ Iżrael qatgħuha li jiem il-konsagrazzjoni tal-artal ikunu ċċelebrati f’waqthom bil-ferħ u l-hena kull sena, għal tmint ijiem mill-ħamsa u għoxrin ta’ Kislewil quddiem.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

1 Kron 29, 10.11abċ.11d-12a.12bċd

 

R/. (13b): Insebbħu l-isem glorjuż tiegħek, Mulej

 

Imbierek int, Mulej,

Alla ta’ Iżrael, missierna,

minn dejjem għal dejjem. R/.

 

Tiegħek, Mulej, il-kobor u l-qawwa,

il-ġieħ, is-sebħ u t-tifħir:

kulma hemm fis-sema u fl-art. R/.

 

Tiegħek is-saltna, Mulej,

int kap fuq kulħadd.

Minnek l-għana u s-sebħ. R/.

 

Int taħkem fuq kollox.

F’idejk il-qawwa u s-saħħa;

f’idejk is-setgħa li tkabbar u ’l kulħadd issaħħaħ. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 10, 27

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej,

u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Id-dar tiegħi għamiltuha għar tal-ħallelin.

Lq 19, 45-48

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù daħal fit-tempju, u qabad ikeċċi ’l barra l-bejjiegħa u jgħidilhom: “Hemm miktub: “Id-dar tiegħi tkun dar it-talb”. Iżda intom għamiltuha għar tal-ħallelin”. U kien jgħallem kuljum fit-tempju. Il-qassisin il-kbar u l-kittieba u l-kbarat tal-poplu kienu jfittxu li jeqirduh; iżda ma kinux jafu x’jaqbdu jagħmlu, għax il-poplu kollu kien imqabbad miegħu biex jisimgħu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu