L-Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

O għadam niexef, isma’ l-kelma tal-Mulej. Ara, jiena niftaħ l-oqbra tagħkom, u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, ja poplu tiegħi.

Eżek 37, 1-14

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

 

F’dak iż-żmien 1ġiet fuqi id il-Mulej u ħaditni fl-ispirtu tal-Mulej u qegħditni f’nofs il-wied. Dan kien miżgħud bl-għadam. Huwa għaddieni dawramejt madwarhom, u kien hemm kotra kbira mxerrda mal-wied, u kienu kollha niexfa qoxqox.

 

U l-Mulej qalli: “O bniedem, jista’ dan l-għadam jerġa’ jieħu l-ħajja?”. Jiena weġibt: “Sidi Mulej, dan inti tafu”. U qalli: “Ħabbar lil dan l-għadam u għidlu: “O għadam niexef, isma’ l-kelma tal-Mulej.

 

Hekk qal Sidi l-Mulej: Ara, jien se nġib fik ir-ruħ, inti terġa’ tgħix. U nqiegħed fik in-nervi, u ntellagħlek il-laħam, u niksik bil-ġilda, u nqiegħed fik ir-ruħ. U inti terġa’ tgħix, u tkun taf li jiena l-Mulej”.

 

Imbagħad ħabbart kif ordnali. U jiena u nħabbar instama’ ħoss, u ara, l-għadam tqanqal, u kollha bdew resqin lejn xulxin, għadma lejn għadma. Jien ħarist, u ara, ġew fihom in-nervi, telgħalhom il-laħam, fuqhom infirxet il-ġilda, imma nifs ma kienx hemm fihom.

 

U qalli: “Ħabbar lir-ruħ, ħabbar, o bniedem, u għid lir-ruħ: “Hekk qal Sidi l-Mulej: Ejja, ruħ, mill-erbat irjieħ tad-dinja, onfoħ fuq dawn il-mejtin, ħa jerġgħu jieħdu l-ħajja”.

 

Jien ħabbart kif ordnali, u r-ruħ daħlet fihom, u reġgħu ħadu l-ħajja, u waqfu fuq riġlejhom, eżerċtu kbir fuq li kbir.

 

U qalli: “O bniedem, dan l-għadam huwa d-dar kollha ta’ Iżrael. Ara, huma jgħidu: “Nixef għadamna, it-tama tagħna għabet, inqridna għalkollox”. Għalhekk ħabbrilhom u għidilhom: “Hekk qal Sidi l-Mulej: Ara, jiena niftaħ l-oqbra tagħkom, u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, ja poplu tiegħi, u nġibkom lura f’art Iżrael. Imbagħad tkunu tafu li jiena l-Mulej, meta niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, poplu tiegħi. U jiena nqiegħed ruħi fikom, u terġgħu tieħdu l-ħajja. Inqegħedkom f’artkom u tkunu tafu li jiena l-Mulej. Hekk għedt, u hekk nagħmel””. Oraklu tal-Mulej.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 106 (107), 2-3.4-5.6-7.8-9

 

R/. (1): Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tieba tiegħu

 

Ħa jgħidu hekk il-mifdijin tal-Mulej,

dawk li hu fdiehom mill-ħakma tal-għadu;

ġabarhom minn ħafna artijiet,

mil-Lvant u l-Punent, mit-Tramuntana u n-Nofsinhar. R/.

 

Kienu jiġġerrew fid-deżert, u jterrqu fix-xagħri;

belt fejn jgħammru ma sabux.

Bil-għatx u bil-ġuħ, saħħithom bdiet tħallihom. R/.

 

Għajtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom,

u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.

U qabbadhom it-triq it-tajba,

biex imorru f’belt fejn jgħammru. R/.

 

Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu,

għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.

Għaliex hu jxabba’ lil min hu bil-għatx,

u jimla bil-ġid lil min hu bil-ġuħ. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Salm 24 (25), 4b.5a

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Mulej, għallimni l-mogħdijiet tiegħek.

Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek u ħobb lil għajrek bħalek innifsek.

Mt 22, 34-40

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, il-Fariżej, meta semgħu kif Ġesù lis-Sadduċej kien saddilhom ħalqhom, inġabru madwaru, u wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu din il-mistoqsija biex iġarrbu: Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir, fil-Liġi?”. Qallu Ġesù: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu”. Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U t-tieni jixbhu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu