L-Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien
ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis
Qari I
Min joħroġ jilqagħni
l-ewwel minn
bieb dari, ikun tal-Mulej u noffrihulu
b’sagrifiċċju.
Imħ 11, 29-39a
Qari mill-Ktieb tal-Imħallfin
F’dak iż-żmien l-ispirtu tal-Mulej ġie fuq Ġeftaħ, li għadda minn Gilgħad u Manassi għal Misfa ta’ Gilgħad u baqa’ sejjer lejn
ulied Għammon.
U Ġeftaħ għamel
wegħda lill-Mulej u qal: “Jekk inti terħi f’idejja lil ulied Għammon, min joħroġ
jilqagħni l-ewwel minn bieb
dari, meta nerġa’ lura bis-sliem minn quddiem l-Għammonin, ikun tal-Mulej u noffrihulu b’sagrifiċċju tal-ħruq”.
U Ġeftaħ għadda
lejn l-Għammonin biex jaħbat għalihom, u l-Mulej irħiehom f’idejh. U kissirhom minn Għarogħer
sa tasal sa Minnit – għoxrin belt b’kollox – u sa Abel-Keramin f’taqtigħa kbira sewwa. U hekk ulied Iżrael kaxkru lil ulied Għammon
minn quddiemhom.
U Ġeftaħ mar Misfa
lejn daru, u hemm jilmaħ lil bintu ħierġa tilqgħu bit-tnabar u ż-żfin; kienet bint waħdanija tiegħu u ma kellux ħliefha, la subien u lanqas bniet. U malli raha ċarrat ħwejġu, u beda jgħajjat u jgħid: “Jaħasra binti, int ħawwadtni
sewwa, int l-inkwiet tiegħi! Tajt kelma lill-Mulej, u ma nistax nerġa’ lura minnha!”.
U hi weġbitu: “Missier,
int ftaħt fommok quddiem il-Mulej, agħmel minni skont
ma ħareġ minn fommok, la darba l-Mulej tak li titħallas mill-għedewwa tiegħek,
ulied Għammon”. U ssuktat tgħid lil missierha: “Dan biss nitolbok tagħtini:
ħallini mmur niġġerra għal xahrejn fuq
l-għoljiet nibki xbubiti, jiena u sħabi”.
U hu qalilha: “Mur”.
U ħallieha tmur għal xahrejn; u marret, hi u sħabha, u bkiet
xbubitha tiġġerra
fuq l-għoljiet. U fi tmiem ix-xahrejn reġgħet lura għand missierha u dan għamel minnha li kien wiegħed.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 39 (40), 5.7-8a.8b-9.10
R/. (ara 8a u 9a):
Hawn jien, ġej biex nagħmel ir-rieda tiegħek
Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu,
u ma jmurx mal-kburin,
mogħtija għall-gideb. R/.
Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji
u offerti;
imma widnejja inti ftaħtli;
ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.
Imbagħad jien għedt: “Hawn jien, ġej”. R/.
“Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi
li nagħmel ir-rieda tiegħek.
Alla tiegħi, dan jogħġobni;
il-liġi tiegħek ġewwa qalbi”. R/.
Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa
kbira;
xufftejja ma żammejthomx magħluqa.
Mulej, dan inti tafu. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Salm 94
(95), 8ab:
Hallelujah. R/. Hallelujah
Illum la twebbsux qalbkom,
iżda isimgħu leħen il-Mulej.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Sejħu għall-festa
lil kull min issibu.
Mt 22, 1-14
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ qabad ikellem lill-kbarat tal-qassisin u lill-fariżej bil-parabboli u qalilhom: “Is-Saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta’ ibnu. U bagħat għall-mistednin mal-qaddejja
tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk ma ridux jiġu.
U reġa’ bagħat
qaddejja oħra, u qalilhom: “Għidu lill-mistednin: Ara, il-mejda tiegħi
lesta; il-barrin u l-għoġiela msemmna diġà maqtula u kollox lest; ejjew
għall-festa”. Iżda
dawk ma tawx kas; min mar l-għalqa, min għan-negozju
tiegħu, u l-bqija qabdu lill-qaddejja tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom. Is-sultan inkorla ħafna, u bagħat is-suldati tiegħu,
qered lil dawk il-qattiela, u ħarqilhom il-belt tagħhom.
Imbagħad qal lill-qaddejja tiegħu: “Il-festa mħejjija, imma lil dawk ma kienx ta’ min jistedinhom
għaliha. Mela morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kull min issibu”.
Dawk l-qaddejja ħarġu fit-triqat u ġabru lil kull min sabu,
ħżiena u tajba, u
s-sala mtliet bin-nies għall-mejda.
Mela jidħol is-sultan ħalli jara min kien hemm
fuq il-mejda, u hemmhekk lemaħ
wieħed li ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ; u qallu: “Ħabib, dan kif dħalt
hawn m’intix liebes għall-festa?”. Dak tbikkem. Imbagħad is-sultan qal lil dawk
li kienu qegħdin iservu: “Orbtulu
riġlejh u jdejh u waddbuh ’il barra
fid-dlam; hemmhekk ikun hemm
il-biki u t-tgħażżiż
tas-snien!”.
Għax ħafna huma l-imsejħin, imma ftit il-magħżulin”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu